Dan m’hu ħadd ħlief Alfred Grixti, għal bosta snin attivist tal-Partit Laburista. Hawn jidher jiċċelebra ma’ sħabu Laburisti r-rebħa kbira li għamel il-partit tiegħu f’dawn il-ġranet.

U hawn jidher il-Facebook page ta’ Alfred Grixti imżejjen bil-logo li l-Partit Laburista għamel użu minnha matul il-kampanja għal dawn l-elezzjonijiet.

Kulħadd, inkluż Alfred Grixti, għandu d-dritt li jappoġġja u jimmilita fil-Partit Laburista.

Iżda Alfred Grixti jokkupa wkoll il-kariga ta’ CEO (uffiċjal eżekuttiv tafux mhux chairman part-time tal-bord) tal-Fondazzjoni għas-Servizz tal-Welfare Soċjali. F’dan il-kuntest, il-partiġġjaniżmu tiegħu jqanqal bosta problemi.

Alfred Grixti huwa l-kap tal-aġenzija pubblika ewlenija li toffri servizzi soċjali personalizzati f’Malta u Għawdex u tieħu ħsieb każijiet sensittivi bħalma huma l-abbużi fuq it-tfal u kwistjonijiet b’rabta mal-ħarsien tat-tfal, il-vjolenza domestika, il-vizzji, l-faqar u l-esklużjoni soċjali. .

Għandu jkun minn ewl id-dinja li dawn il-funzjonijiet tal-gvern għandhom jiġu mħarsa mill-indħil jew influwenzi partiġġjani. Qabel l-2013 dan kien ċertament minn ewl id-dinja. Il-gvern ta’ dak iż-żmien, li mhux biss xtaq li jrażżan lilu nnifsu milli jindaħal iżda ried li jġib ruħu f’pożizzjoni li ma jkunx jista’ – lanqas jekk ikun irid – li jindaħal, kien ħatar lil Joe Gerada u lil Sina Bugeja – it-tnejn b’simpatiji Laburisti iżda magħrufin għall-kompetenza professjonali tagħhom – biex imexxu l-Fondazzjoni. Joe Gerada saħansitra tkellem f’attivitajiet tal-Partit Laburista biex jappoġġja lill-kbir Joseph Muscat.

F’wiċċ tal-Labour m’għandek qatt ċans li ssib xi qatra żejt. Bir-rimi, iżda, ssib l-indħil u l-preferenzi partiġġjani. Lill-uffiċju tiegħu, Alfred Grixti dawwru f’fergħa tal-Kwartier tal-Partit Laburista.  Pożizzjonijiet għolja ingħataw lil persuni tal-qalba bħal Claudette Abela Baldacchino (li kienet ixxandar fuq is-Super 1, kandidata u kunsilliera Laburista) u bħal Remenda Grech li bħalissa għandha tinsab f’relazzjoni intima ma’ Owen Bonnici.

Fil-frattemp, il-persuni professjonali li kienu jaħdmu f’dan il-qasam tqaċċtu ‘l barra – ħafna minnhom imdejqin għall-aħħar bid-deċiżjonijiet partiġġjani li ttieħdu.

Min qed igawdi? Bla dubju, l-bażużli Laburisti. Min qed ibati? Dawk il-persuni kollha li huma vulnerabbli u li qed ibatu li jistennew il-wens mingħand l-Istat. Dan il-wens jingħata – iva – imma b’kundizzjoni li dan iservi l-iskopijiet partiġġjani tagħhom.

Għaliex Malta tinsab f’qalbhom, tafux..