L-istorja dwar meta Manwel Mallia għoġbu jibgħat messaġġ lil WhatsApp Group li jinkludi deputati Nazzjonalisti u li fih ħajjarhom biex “imexxu l-kelma kontra” rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, hi waħda li turi l-falza stikka li dan ħa meta daħal f’chat window żbaljat.
Din l-istorja m’hix daqstant dwar l-iżball li ħa Manwel Mallia meta ma tax każ il-messaġġi tiegħu għand min kienu ser jaslu. Iżda hi aktar dwar il-fatt li l-gvern baqa’ jirreżisti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u li kien aktar moħħu li jiżvija l-attenzjoni minn fuq il-kontenut tar-rapport.
Il-gvern għażel strateġija li se ġġiblu diżastru.
Jippruvaw kemm jippruvaw imexxu l-kelma kontra r-rapport ta’ Pieter Omtizgt, il-fatt jibqa’ li kull min jieħu l-briga li jistħarreġ dwar Malta se jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ stampa kerha waħx.
Lil sħabu Manwel Mallia ried igħidilhom li jkun utli jekk imexxu l-kelma mal-kapijiet tal-gvern ta’ Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja u Ċipru waqt iż-żjara li dawn ser jagħmlu f’Malta fi tmiem din il-ġimgħa. Il-laqgħa f’Malta ser tkun opportunità għal Joseph Muscat li jmexxi l-kelma fost mexxejja reġjonali bil-għan li jipprova jipperswadihom jappoġġjawh għal xi ħatra fl-Ewropa. Skont Manwel Mallia, jekk titnaqqas il-kredibilità tar-rapport ta’ Pieter Omtzigt, ikbar ikun iċ-ċans li Joseph Muscat jingħata ħatra.
Iżda, kif igħid il-Malti, qed jara biss sal-ponta ta’ mnieħru.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport li xxandar fir-rivista Franċiża L’Obs (dik li kienet Le Nouvel Observateur). Dawn xandru bijografija ta’ Joseph Muscat għaliex semgħu li dan tefa’ ħarstu fuq il-kariga li bħalissa qed jokkupa Donald Tusk bħala kap tal-Kunsill Ewropew. Din qalet li aħbar bħal din hi waħda “ta’ tħassib”.
L-awtriċi tar-rapport tittratta dwar Malta u, bħala osservatur indipendenti, tikteb li l-pajjiż jinsab maħkum minn reġim awtoritarju li hu mċappas bil-korruzzjoni u li jagħti l-kenn lill-impunità. Tikteb ukoll li l-gvern tal-pajjiż qed jinjora l-fatt li ġurnalista li kienet tikkritika lir-reġim bl-aħrax ġiet assassinata waqt il-qadi ta’ dmirijietha u li l-gvern jidher li huwa determinat li jfarfar taħt it-tapit iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qtil tagħha.
Din ukoll kienet il-konklużjoni li waslu għaliha dawn il-mezzi tax-xandir meta tkellmu dwar Malta: CBS, BBC, RAI, ARD, NHK, France2, El Pais, The Guardian, La Repubblica, Suddeutsche Zeitung, The New York Times u ħafna oħrajn. X’ħasbu li jaqraw il-kapijiet tal-gvern li ser ikunu fostna fi tmiem il-ġimgħa? Taħsbu li dawn ser jaqraw il-KullĦadd?
Din l-istess konklużjoni nġibdet mir-rapporteurs għall-Parlament Ewropew, għall-GRECO u għall-kummissjoni ta’ Venezja.
Matul dawn l-aħħar sentejn, ir-rapport ta’ Pieter Omtzigt kien biss l-aktar wieħed riċenti, l-aktar wieħed ta’ bla tlaqliq u l-aktar wieħed li jittratta b’mod ċar dwar is-sitwazzjoni f’Malta. Huwa wkoll rapport li ma nkitibx minn xi aġent tal-Partit Laburista bħalma hu Manwel Mallia.
Għaldaqstant la hu possibbli u lanqas huwa biżżejjed li wieħed “imexxi l-kelma kontra” r-rapport ta’ Pieter Omtzigt, sakemm wieħed ma jittantax imeri s-sewwa magħruf li ġie dokumentat.
Wara dak li seħħ din il-ġimgħa meta l-gvern għamel froġa sħiħa bl-emendi li ppropona għall-Kostituzzjoni, wieħed jista’ jgħid li r-rapport ta’ Pieter Omtzigt ma fieħx il-lista kompleta tal-oltraġġi u tal-attakki li dan il-gvern wettaq kontra d-demokrazija f’dan il-pajjiż. Issa jeħtieġ li jinkiteb suppliment għar-rapport tiegħu.
Li kieku ried, Manwel Mallia seta’ mexxa l-kelma ma’ Owen Bonnici biex dan ifassal liġi biex jitjieb il-livell tal-prosekuzzjonijiet f’pajjiżna bil-għan li dawn jilħqu l-ħtigijiet bażiċi tal-Kunsill tal-Ewropa. Li kieku ried, seta’ wkoll ġibed widnejn il-kollega parlamentari tiegħu Josè Herrera biex dan joqgħod lura milli jmur jgħid mal-erbat irjieħ li pajjiżna huwa aktar demokratiku milli kienu pajjiżi bħall-Iżlanda, l-Estonja, il-Greċja u l-Portugall u dan biex ma jistedinx reazzjoni negattiva minn naħa tal-Kunsill tal-Ewropa.
Li kieku kellu ftit melħ f’moħħu, Manwel Mallia lill-gvern tiegħu kien jgħidlu li tgħidx x’salib tqil tgħabba bih meta ġie nominat biex jirrappreżenta lill-gvern Malti fil-Kunsill tal-Ewropa. Dan għaliex ħadd m’hu jieħdu bis-serjetà. Dan kien ressaq mozzjoni biex iwaqqa’ l-inkjesta li kellha ssir dwar Malta, liema mozzjoni baqgħet m’għaddietx. Kien ukoll ressaq mozzjoni biex jitwarrab Pieter Omtzigt u din m’għaddietx ukoll. U kien ressaq aktar minn 50 emenda għar-rapport ta’ Pieter Omtzigt u dawn m’għaddewx ukoll. Kollha kemm huma. Waħda wara l-oħra.
U issa bi ħsiebu jattendi għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u qabel il-waqfa tas-sajf se jipprova jipperswadi lill-parlamentari ta’ kull lewn politiku mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa li dak kollu li kienu semgħu dwar Malta f’dawn l-aħħar sentejn kien biss gideb u li hu biss qed jgħidilhom il-verità.
Nawguralek xbin. Se jkollok bżonn WhatsApp Group ħafna akbar.