Id-diskorsi tal-bieraħ tal-mexxejja politiċi kellhom tema komuni. It-tnejn li huma jippretendu li għandna niżfnu għad-daqq tagħhom.
Araw ftit kif il-bieraħ Joseph Muscat qal li jinsab inkwetat għall-fatt li l-firdiet li hemm fil-PN jistgħu ifissru li ma jkollux il-maġġoranza ta’ żewġ terzi li hi meħtieġa biex iwettaq il-bidliet Kostituzzjonali li jrid hu. Jidher li l-Prim Ministru jinsab inkwetat li m’għandux taħt il-kontroll tiegħu il-partit kollu li hemm fl-Oppożizzjoni, iżda biċċa minnu biss u li din il-biċċa m’hix ser tkun biżżejjed biex ikun jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu.
Hawn min jitkellem dwar il-biża’ li l-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat jista’ jakkwista maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Dawn jesprimu l-inkwiet tagħhom li, jekk iseħħ dan, Joseph Muscat ikun jista’ jegħleb kull xkiel Kostituzzjonali u jiggverna mingħajr rażan.
Dawn m’humiex jintebħu li diġà wasalna għal sitwazzjoni bħal din.
Araw ftit kif illum stess il-Parlament mistenni li jiddiskuti l-bidliet Kostituzzjonali li l-gvern qed jgħid huma mnebbħin mill-pariri li ngħataw mill-Kummissjoni ta’ Venezja iżda li fil-fatt ifissru t-tisħiħ tal-kontroll dirett li għandu Joseph Muscat fuq kariga kostituzzjonali li għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar jekk hu jew dawk tal-klikka ta’ madwaru għandhomx jiġu mħarrka dwar suspetti ta’ twettiq ta’ reati kriminali.
Li kieku kellhom igħaddu mill-Parlament, l-effett legali ta’ dawn it-tibdiliet ikun minimu. Madankollu, mil-lat politiku il-gvern ta’ Joseph Muscat ikun jista’ jeħles mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-Unjoni Ewropea u jkun jista’ jgħidilhom li ‘bdejna l-proċess tar-riformi u saħansitra anki l-Oppożizzjoni qed tappoġġjana’.
Effettivament dawn ir-riformi se jwasslu biex is-sitwazzjoni mill-ħażin tmur għall-agħar.
Joseph Muscat m’għandux bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni kollha kemm hi. Għandu bżonn biss uħud minnhom biex jasal biex ikollu maġġoranza ta’ żewġ terzi.
Għadna ma nafux x’ser tkun il-linja li ser jieħu l-Grupp Parlamentari tal-PN fil-Parlament illum. Lanqas biss nafu hemmx linja jew le. Sa fejn huwa magħruf, il-Grupp Parlamentari ilu xhur sħaħ ma jiltaqa’ u ċertament ma ltaqax kemm ilu li xxandar l-abbozz. Din il-kwistjoni lanqas ma ġiet diskussa fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN – dan kien aktar mehdi jiddiskuti għandux jaħtar lil Jean Pierre Debono biex għal darb’oħra jieħu postu fil-Parlament.
Bil-mod kif tkellem Joseph Muscat il-bieraħ bħal donnu ried jagħti x’jifhem li t-tmexxija tal-PN għandha r-rieda li tappoġġja l-bidliet li qed jipproponi hu, iżda li jeżisti dubju dwar jekk fost il-membri tal-Grupp Parlamentari hemmx l-appoġġ li huwa meħtieġ.
Mill-perspettiva tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, dawn il-bidliet m’għandhomx jiġi mgħoddija qabel ikun hemm konsultazzjoni xierqa mal-pubbliku. U jekk l-Oppożizzjoni tiddeċiedi li tappoġġja l-bidliet, tkun qed tingħaqad mal-gvern kontra l-komunità in ġenerali.
Din hi proprja r-raġuni għala d-diskors ta’ Adrian Delia tal-bieraħ fejn qal li jrid lin-nies “jitkellmu dwar l-għaqda” għax huma mxebbgħin mill-firda, m’hu xejn ħlief diskors vojt. Minkejja l-fatt li sal-lum baqa’ jimraħ f’sensiela ta’ kriżijiet, waħda wara l-oħra, Adrian Delia jippretendi li għandna xi obbligu morali li nsegwuh u li nbaxxu rasna għal dak li jgħid hu.
Il-verità m’hix dik. Jekk huwa bi ħsiebu jappoġġja t-tisħiħ tal-poter ta’ Joseph Muscat b’mod li tissaħħaħ ukoll l-impunità tiegħu u tal-klikka ta’ madwaru, l-Membri tal-Oppożizzjoni jkunu fid-dmir li jirreżistuh bil-qawwa kollha. M’għandhomx ikunu kompliċi ma’ min irid ikompli jsaħħaħ il-proċess tat-tkissir tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż li beda’ 5 snin ilu u li issa wasal biex jilħaq il-qofol Kostituzzjonali tiegħu li Joseph Muscat ma jista’ għalih ħadd.
Hi ħaġa li bilkemm titwemmen li, ftit sigħat qabel jittieħed il-vot, għadna ma nafux x’ser tkun il-linja tal-PN dwar dawn it-tibdiliet. Il-bieraħ Adrian Delia ma semma’ xejn dwar dan. Kien aktar moħħu biex lis-semmiegħa jgħidilhom li m’hux sewwa li jkun hemm min imerieħ. U l-jum ta’ qabel sa wasal biex ipprova jieħu l-mertu għall-fatt li Kevin Cutajar ser jingħata siġġu parlamentari – u dan minkejja li l-ġimgħa ta’ qabel għamel minn kollox biex dan is-siġġu jgħaddih lil ħaddieħor.
Milli jidher Adrian Delia jippretendi li jmexxi partit fl-Oppożizzjoni u fl-istess waqt iservi l-interessi ta’ gvern li suppost huwa qed jopponi.
Fil-frattemp Adrian Delia tkellem dwar tibdiliet fl-istatut tal-PN u qalilna li dan jeħtieġ li jiġi “ristrutturat” biex il-partit ma’ jibqax fl-istat ta’ taħwid li jinsab fih. Ma nagħmlux mod li jrid idaħħal emendi biex b’xi mod irażżan lil min imerieh?
Joseph Muscat u Adrian Delia qishom id-di u d-do. Bid-differenza li Adrian Delia huwa l-apprendist etern.