Rapport fit-Times of Malta tal-lum jitkellem dwar id-diskors à la Fidel Castro ta’ Adrian Delia fuq ir-radju fejn ġie rappurtat li qal li hu — jiġifieri Adrian Delia — ‘waħħal fl-“establishment” għat-taħwid li bħalissa jinsab għaddej minnu l-PN, u wissa’ li kien għoddu tilef is-sabar. Matul diskorsu ddefenda id-deċiżjoni tal-Partit li jagħżel lil Jean Pierre Debono biex jokkupa s-siġġu parlamentari u stqarr li għal persuni bħal Jason Azzopardi m’għadx għandu paċenzja.
Madankollu dal-lejl tan-Newsbook irrappurtaw li lill-Ispeaker tal-Parlament il-Partit Nazzjonalista qallu li għalissa m’huwiex f’pożizzjoni li jgħidlu min ser jieħu post David Stellini.
Dalgħodu Adrian Delia ħareġ b’ħafna arja u, malli niżlet ix-xemx, il-PN sab ruħu bejn il-basla u qoxritha.
Jista’ Adrian Delia jgħidilna eżattament dalgħodu għal min kien qed jirreferi li, skont hu, huma parti mill-“establishment” u li ħaqqhom li jitqiegħdu f’posthom?
Kif wasalna s’hawn?
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN iltaqa’ ftit anqas minn 24 siegħa wara li l-kummissjoni elettorali xandret ir-riżultat finali tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li ħallew lill-PN bl-agħar riżultat li qatt kiseb.
Il-Kumitat Eżekuttiv ma ltaqax biex jiddiskuti t-telfa enormi li ġarrab il-Partit iżda ltaqa’ biex jiġi deċiż min ser jieħu post David Stellini li kien irriżenja mill-Parlament għaliex, skont hu, ma kienx kuntent bil-firda li hawn fil-politika. Ir-riżenja tiegħu ma tantx ġabet għaqda.
Ittieħed vot fl-Eżekuttiv. Iżda jidher li xi ħadd xamm li t-tellieqa kienet ser tkun waħda missielta u allura ra kif għamel biex iserraħ rasu ħalli r-riżultat ikun favur kandidat partikolari.
Mhux aħjar jekk il-ħmerijiet u d-diskors vojt jinqatgħu? Qed naraw fejn tassew jinsab l-establishment.
Jean Pierre Debono bagħbas kollox biex jikseb ir-riżultat li xtaq.
Qiegħed isem David Camilleri mal-ismijiet ta’ dawk li huma eliġibbli għall-vot. Ismu mhux suppost kien hemm għaliex – għalkemm fl-imgħoddi kellu vot meta kien jirrappreżenta wieħed mid-distrett elettorali – dan il-vot ma baqax eliġibbli għalih meta nħatar teżorier tal-partit. L-istatut tal-PN ma jippermetti li ħadd jokkupa aktar minn kariga waħda: għalhekk bħala teżorier għandu d-dritt li jkun preżenti f’laqgħat tal-eżekuttiv iżda mhux intitolat li jivvota.
Huwa sejjaħ lil David Stellini wkoll għal laqgħa u, għalkemm kellu vot bħala rappreżentant tal-Grupp Parlamentari li minnu kien diġà rriżenja, ismu tħalla fil-lista ta’ dwak eliġibbli għall-vot.
Saħansitra anki r-regoli dwar konflitti ta’ interess intramew il-baħar. Kristy Debono, mart Jean Pierre Debono, vvutat minkejja l-fatt żewġha kien wieħed mill-kontestanti.
Jean Pierre Debono vvota wkoll minkejja l-fatt li l-vot kien dwaru.
Id-database dwar il-votanti eliġibbli baqgħet f’idejn Jean Pierre Debono sa dakinhar tal-laqgħa. Jason Azzopardi xandar dan ir-ritratt li huwa xhieda tal-fatt li Jean Pierre Debono kien qed ibagħbas bil-lista ta’ votanti eliġibbli jum qabel ittieħed il-vot. M’għandniex xi ngħidu, se jwieġeb li dan kien xogħolu.
Il-laqgħa ppresidiha dak li kien il-President tal-Kumitat Eżekuttiv, jiġifieri Mark Anthony Sammut.
Fuq il-Facebook illum kiteb li issa li sar jaf b’dawn il-fatti li kienu lkoll taħt il-kontroll ta’ Jean Pierre Debono, huwa jqis il-vot li ttieħed bħala wieħed mittiefes u li m’huwiex validu.
L-organi l-oħra tal-Partit jinsabu mmexxijin minn persuni mittiefsa. Il-President tal-Kunsill Amministrattiv huwa David Stellini li jinsab fiċ-ċentru ta’ dan it-taħwid kollu. U l-President tal-Kunsill Ġenerali hi Kristy Debono. M’hemmx għalfejn inkomplu.
L-istatut li kienu fasslu Eddie Fenech Adami, Ugo Mifsud Bonnici, Guido de Marco u Ċensu Tabone kien tfassal b’tali mod li s-setgħa assoluta li kellu l-Kap fi żmien Ġorġ Borg Olivier kellha suppost tinfirex fuq persuni oħra li ma jkunux kontabbli lejn il-Kap tal-Partit meta jieħdu d-deċiżjonijiet u biex jekk ikun jeħtieġ iġiegħlu t-tmexxija biex tkun konformi. Iżda s-suċċess ta’ kull statut jiddependi wkoll mill-kwalità tal-persuni li jkunu qed jokkupaw dawn il-karigi.
Il-President Kristy Debono tistgħu qatt tistennew li se tagħmel dak li hu sewwa. Tgħid mhux hekk?
Il-mexxejja tal-kumitat reġjonali tal-PN ta’ Għawdex wissew lill-PN li kien bi ħsiebhom jagħmlu kawża fil-qorti jekk il-PN ikompli għaddej u jagħti s-siġġu parlamentari lil Jean Pierre Debono. Huma qegħdin isostnu li mhux biss inkiser l-istatut – inkisret ukoll il-Kostituzzjoni li titlob li jkun hemm rappreżentanza xierqa għal Għawdex Naqta’ rasi li t-tmexxija tal-PN dan ma xammitux.
Dalgħodu Adrian Delia ilmenta dwar l-‘establishment’, meta huwa fatt li l-establishment jinsab favurih. Ħadd m’hu aktar establishment minn Jean Pierre Debono. Mhux l-ewwel darba li l-inkompetenza patoloġika li għandu f’dik li hi t-tmexxija tad-database tal-Partit dwar l-uffiċjali tiegħu ġabitu fl-inkwiet.
Waqt l-elezzjoni li permezz tagħha Adrian Delia nħatar kap tal-partit u li fiha Jean Pierre Debono kellu parti prominenti, l-aktar uffiċjal stabbilit fil-partit (jiġifieri hu) inqabad jikser ir-regolamenti dwar it-teħid tal-voti permezz ta’ prokura fl-interess tal-kandidat favorit tiegħu, Adrian Delia. U hu proprju hawn fejn l-inkompetenza issir xi ħaġa agħar u tal-waħx: fejn it-tħaddim tad-demokrazija tagħna jiġi mbagħbas minn dawk li jkunu lesti li jiksru l-liġijiet biex isaħħu l-poter politiku tagħhom u biex jibqgħu jsaltnu.
Jekk noqgħodu fuq il-ħjiel li ta Robert Arrigo, jidher li Jean Pierre Debono kien ġiegħel lil Adrian Delia jwiegħdu li mal-ewwel opportunità jingħata siġġu fil-Parlament – bħallikieku Malta qed tgħix iż-żminijiet ta’ Lwiġi XIV ta’ Franza u li fihom is-siġġijiet parlamentari jingħataw b’rigal mill-mexxejja tal-partiti.
Issa jidher li lil Jean Pierre Debono l-PN ser iħassarlu l-festi u ser iċedi għar-rabja ferm ġustifikata tal-attivisti Għawdxin billi jħassar il-vot li ttieħed nhar is-Sibt.
Jidher li l-Għawdxin ser jaraw li tgħaddi tagħhom biex is-siġġu parlamentari jingħata lil Kevin Cutajar. Madankollu dan ċertament mhux se jkebbsilhom jew iżidilhom l-entużjażmu tagħhom għat-tmexxija preżenti tal-Partit. L-għasfur issa tar u jinsab fl-ajru.
Proprju dan huwa l-establishment li għandu jkun irrabjat għalih Adrian Delia: dawk li abbużaw mill-poter u kisru r-regolamenti biex jippruvaw jimmanipulaw vot u tgħaddi tagħhom. Għax ix-xitan m’għandux ħalib, Adrian Delia issa qed ikollu jiffaċċja l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tiegħu li jiddependi fuq l-istess nies u l-istess metodi li kienu assiguraw l-elezzjoni tiegħu fit-tmexxija.
Tal-PN għandhom jagħmlu mistoqsija pertinenti lilhom infushom. Teżisti xi rokna fid-dinja li fiha l-elettorat ikun irid lil pajjiżu jiġi mmexxi minn Adrian Delia, Jean Pierre Debono, Kristy Debono u minn dawk li għadhom ħobża u sikkina magħhom?
Dawn mhux talli m’humiex kapaċi jmexxu l-partit tagħhom stess. Ħafna agħar minn hekk. Dawn saħansitra lesti li jbagħbsu biex ikomplu jmexxu lill-Partit.
Issa mhux iżżejjed? Jaf Adrian Delia lil min tassew intilfilhom is-sabar? Kulħadd.