Adrian Delia reġa’ għandu ma’ wiċċu allegazzjonijiet ġodda. Din id-darba qed jiġi mixli li gideb dwar firem awtentiċi tiegħu u li qal li kienu ġew falsifikati, biex b’hekk spiċċa għamel frame-up fuq oħt il-mexxej ta’ qablu fuq reat kriminali ineżistenti.

Dawn huma allegazzjonijiet li saru mill-eks sieħeb fin-negozju tiegħu Kris Bajada li, fl-aħjar ipotesi, għandu kredenzjali dubjużi.

Madankollu, dawn m’humiex allegazzjonijiet ta’ xi eks-maħbuba li kellha x’taqsam bil-moħbi ma’ politiku li kellu mument ta’ dgħjufija umana u li ħass ċerta ndiema hekk kif l-eks-maħbuba kixfitu bil-għan li tipprova tpattihielu u fl-istess ħin taqla’ kemxa ġmielha minn fuq dahru.

Dawn l-allegazzjonijiet saru minn ħabib ta’ Adrian Delia li eventwalment ntagħżel minnu bħala sieħeb fin-negozju.

Bil-mod il-mod qiegħda tifforma stampa ċara.

Jeħtieġ niftakru li akkużi serjissmi oħra kienu saru minn mart Adrian Delia. Din xlietu li kien isawwat lilha u lil uliedha.

Ċertament dawn kienu biss allegazzjonijiet li saru minn martu li bdiet proċeduri ta’ separazzjoni kontra tiegħu. Kien hemm min qanqal dubji dwar il-kredibilità tagħha u tkellem dwar il-kundizzjoni mentali tagħha – ħaġa li hi stess ammettieha pubblikament – għalkemm mhux ġust li jintefa’ dubju fuq il-ġudizzju tagħha biss minħabba l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni medika.

Il-fatti juru li dawk il-persuni li Adrian Delia kien għażel biex ikunu qrib tiegħu tul ħajtu huma l-prim akkużaturi tiegħu.

Ix-xilja ta’ Kris Bajada – bniedem li kien għadu kemm reġa’ qam minn koma twila – li Adrian Delia gideb dwar il-presenza ta’ firem foloz tfakkarni f’attentat biex jerġa’ jitqajjem l-interess sensiela televiżiva li jkun għadda żmienha.

U issa wasalna s’hawn.

Hekk kif Adrian Delia jipprova jaqbad ma’ kull tibna biex iżomm fil-wiċċ, dlonk jitfaċċaw allegazzjonijiet ġodda dwaru.

Jeżistu diversi saffi taħt dawn l-allegazzjonijiet ġodda ta’ Kris Bajada.

L-ewwel saff jibda’ bl-istejjer li kienet xandret Daphne Caruana Galizia dwar ir-rabtiet ta’ Adrian Delia mal-briedel f’Soho. U fuq dak l-ewwel saff hemm ir-reazzjoni tiegħu: kien għajjarha biċċa blogger u din it-tgħajjira esponietu bħala bniedem li m’għandux il-ħila li jikkontrolla r-rabja tiegħu u li m’huwiex kapaċi jifhem x’ifissru tassew ir-rwoli ta’ politiku u ta’ ġurnalista.

Hemm ukoll is-saff dwar l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin dwar kwistjonijiet li Adrian Delia kien imdaħħal fihom fl-imgħoddi. Kwistjonijiet li jesponuh għar-rikatti tal-avversarji politiċi tiegħu li – skont kemm ikun lest li jikkopera magħhom – għandhom is-setgħa li jiddeċiedu huma sa fejn għandhom jaslu dawn l-investigazzjonijiet.

Jidher ukoll li Kris Bajada qed jagħti x’jifhem li f’idejh għandu provi li jistgħu jinkriminaw.

Hi ħaġa tassew ironika: jekk tagħti daqqa t’għajn lejn ir-rapport eċċellenti li xandret il-Malta Today dwar din il-kwistjoni, għandek tintebaħ b’dak li qed jipprova jfiehem Kris Bajada.

Minn banda, huwa qed igħid li n-negozju tal-familja f’Londra ma kienx wieħed illegali u li l-flus li kien jaqla’ ma kienux ġejjin minn attività kriminali. Din l-istqarrija m’hix waħda li tista’ titwemmen faċilment. M’hux kredibbli li wieħed igħid li ma kellux x’jaqsam mal-prostituzzjoni fejn jidħol il-kiri ta’ appartamenti f’Soho li kienu s-suġġett ta’ tfittxijiet mill-pulizija fuq suspetti ta’ prostituzzjoni. Fi kwalunkwe każ, x’aktarx li Kris Bajada mhux ser jagħmel stqarrijiet li b’xi mod jistgħu jinkriminaw lilu jew lill-membri tal-familja tiegħu.

Sa hawn, dak li stqarr Kris Bajada iservi biex jagħti l-kenn lil Adrian Delia għaliex b’hekk dan ikun jista’ jiċħad l-akkuża li ħasel flus ġejjin mill-qliegħ tal-prostituzzjoni għall-benefiċċju tal-klijenti tiegħu u ta’ sħabu fin-negozju. Dan il-fatt iwasslek biex tifhem il-għala, għal xi żmien, Kris Bajada kien spalla ma’ spalla ma’ Adrian Delia meta dan kien qed itellaq biex jinħatar kap tal-partit.

Iżda issa Kris Bajada qed igħid li, mill-mod kif qed jiddefendi ruħu minn dawn l-akkużi, Adrian Delia qed jigdeb. Qed igħid ukoll li l-firma fuq id-dokumenti li ġie konfrontat bihom hi tabilħaqq ta’ Adrian Delia u li huwa falz ir-rapport li kien għamel Adrian Delia lill-pulizija dwar firem foloz.

Nistaqsi: Adrian Delia għaliex għandu jigdeb dwar dokumenti li, jekk jiġi pruvat li għandhom firma awtentika – kif qed jinsisti Kris Bajada – għandhom jiskulpawh minn kull rabta mal-kriminalità?

Ir-raġuni tinsab f’saff moħbi ieħor: Kris Bajada qed jagħti x’jifhem li filwaqt li l-familja Bajada ma kellha ebda rabtiet mal-kriminalità u li m’għandhiex x’taħbi, dan m’huwiex il-każ fil-konfront ta’ Adrian Delia.

Kris Bajada bħal donnu qed igħid li Adrian Delia jeħtieġ li jibqa’ jinsisti li dawn il-firem huma foloz – mhux għax dawn jikkostitwixxu prova li ħasel flejjes ġejjin mill-prostituzzjoni – iżda għaliex huma prova tat-twettiq ta’ ħwejjeġ illegali oħrajn.

Kris Bajada ried ukoll jagħti x’jifhem li kemm hu kif ukoll il-familja tiegħu huma vittmi ta’ dawn l-azzjonijiet illegali.

Dan ma jistax ħlief ifisser li, skont Kris Bajada, l-kbir għadu ġej. U li dan il-“kbir” ilu jaf bih minn dakinhar li Adrian Delia ħabbar li kien ser jikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit.

Meta Daphne Caruana Galizia kienet kitbet għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni tal-briedel ta’ Soho, bosta kienu tal-fehma li Adrian Delia għandu jingħata l-benefiċċju tad-dubju u li eventwalment kellu jnaddaf ismu.

Minn dan kollu m’għamel xejn.

Bħal sajjetta fil-bnazzi, issa sirna nafu mingħand Kris Bajada – li għadu kemm reġa’ qam minn koma twila – li jekk Adrian Delia bi ħsiebu jibqa’ f’postu għandna mnejn insiru nafu b’aktar stejjer.

Dan m’hu jagħmel ebda ġid.

Forsi meta llejla jiltaqgħu biex jisimgħuh jitkellem b’ilsien kollu zokkor, il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għandhom iżommu f’moħħhom il-fatt li l-qiegħ jidher li għadu ma ntlaħaqx.