Wara li għamlu minn kollox biex jippruvaw iserrħu l-irjus li l-futur li għandu l-Bank of Valletta huwa wieħed sabiħ, kollox sarilhom suf hekk kif is-Sunday Times of Malta llum xandret l-aħbar li r-regolatur finanzjarju lill-Bank of Valletta tah ultimatum biex minnufiħ jirranġa s-sitwazzjoni tiegħu.
Din l-aħbar m’hi xejn ħlief turija ċara li l-borma qiegħda tbaqbaq ġmielha. L-ittra li ntbagħtet mill-MFSA inkitbet apposta sabiex, hekk kif il-bank ikompli jersaq lejn il-qiegħ, tingħata l-impressjoni li l-gvern qed jagħmel minn kollox biex isalva s-sitwazzjoni u dan bit-tama li nkunu nistgħu niftakru biss fl-ordni ta’ Joseph Cuschieri lill-bank biex ilesti “programm ta’ tibdil fuq medda ta’ sentejn” “sa nhar il-Ġimgħa”.
Permezz ta’ dawn il-manuvri, jriduna ninsew li l-gvern ilu jbagħbas fil-Bank of Valletta għal 5 snin sħaħ: żmien twil biżżejjed biex bank li kien irnexxielu jibqa’ fil-wiċċ matul il-kriżi finanzjarja tal-2008 issa jinsab f’xifer l-irdum a skapitu tal-ekonomija Maltija.
Il-korruzzjoni u l-bażużliżmu inevitabbilment wasslu għal dan. L-istess jista’ jingħad għall-inkompetenza li tagħmel tajjeb għaliha l-popolarità.
Id-dehra ta’ Joe Cuschieri joħroġ l-ordnijiet malajr tista’ tnessik li l-Bank of Valletta kienet silfet €2.6 miljun lil Keith Schembri u dan fi żmien meta l-kumpanniji tiegħu kienu qed jaqilgħu inqas minn €60,000 fis-sena f’dawk li huma profitti.
Dan huwa eżempju wieħed biss li nafu bih li juri n-negozju bla sens li għamel il-bank kif ukoll il-mod kif espona ruħu żżejjed għad-djun sforz il-bażużliżmu u l-preferenzi politiċi.
Id-dgħjufija tal-istituzzjonijiet regolatorji fil-qasam finanzjarju ta’ pajjiżna prinċipalment jaħti għaliha Keith Schembri. Edward Scicluna dan l-aħħar ħabbar li se jinħolqu istituzzjonijiet ġodda b’riżq l-infurzar tal-liġijiet. Kif se jserraħ l-irjus li d-dgħjufija li wasslitna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha mhux ser nerġgħu narawha tqajjem rasha?
Ftakru bil-pressjoni permezz ta’ telefonati li allegatament kien għamel Keith Schembri fuq tal-FIAU biex dawn ma jibqgħux jgħafsu b’ċerti investigazzjonijiet. Fil-qorti f’Diċembru 2017, Peter Caruana Galizia kien xehed li martu kienet qaltlu li l-għejjun tagħha fl-FIAU kienu lmentaw li Keith Schembri kien iċempel diversi drabi biex jipprova joqtol l-investigazzjoni dwar il-Pilatus Bank.
Dan ma kienx jammonta biss għal indħil politiku: Keith Schembri kien jagħmel użu mis-servizzi tal-Pilatus Bank u permezz tal-indħil tiegħu ried iħares l-interessi tiegħu ukoll.
Il-bank ewlieni li jaħdem bih Keith Schembri huwa l-Bank of Valletta. Nistaqsi: l-indħil tiegħu wassal biex iddgħajfu l-istituzzjonijiet u ġew sagrifikati l-interessi tal-bank, ta’ dawk li għandhom flus depożitati fih u tal-azzjonisti u dan biex ikunu jistgħu jinqdew erba’ bażużli?
Keith Schembri huwa wieħed mill-perċimes tal-iskandlu Electrogas/17 Black. Minn banda waħda, l-Panama Papers kienu kixfu l-fatt li huwa kien qabbad lil tan-Nexia BT biex joħolqulu kumpannija fil-Panama u biex iduru d-dinja sakemm jinstab bank li kien lest jiftaħ kontijiet bankarji f’isimha. U mill-banda l-oħra, lil tan-Nexia BT ħatarhom fuq kumitat li kellu jiddeċiedi dwar min kellu jirbaħ il-kuntratt tal-power station.
F’dan il-kuntest, tad-Daphne Project kienu kixfu li min rebaħ il-kuntratt kien intrabat li jħallas madwar $2 miljun fil-kont bankarju ta’ Keith Schembri fil- Panama.
Iżda b’rabta ma’ dan kollu, l-ikbar waħda kienet dwar is-self ta’ €360 miljun li l-Bank of Valletta kien għadda lil min rebaħ il-kuntratt tal-power station — jiġifieri l-Electrogas — biex dawn setgħu jroddu s-salib u jibdew il-proġett.
Mingħajr is-self mingħand il-Bank of Valletta, la kien ikun hemm power station u lanqas flus ġejjin mit-tixħim għal ġol-kontijiet bankarji ta’ Keith Schembri. Qegħdin taraw hux telefonata kemm taf tiswa’?
It-twissijiet li saru ma sarux għaliex il-Bank of Valletta jinsab nieqes mil-likwidità. Saru għaliex dan daħal għal riskji li m’humiex aċċettabbli u li ċertament m’humiex fl-interess tad-depożitanti u tal-azzjonisti.
Kien il-bank stess li stieden dan l-inkwiet serju għax ippermetta indħil inaċċettabbli minn naħa tal-politiċi. Inkwiet serju li, fid-dinja li qed ngħixu fiha, jista’ jispiċċa biex ikissrek.
Il-kaġun ta’ dan l-inkwiet kollu m’hu ħadd ħlief Keith Schembri, bniedem li litteralment qed jitħalla jagħmel li jrid.
Din il-ġimgħa tal-Kunsill tal-Ewropa qalu li ma jistgħux jifhmu kif Keith Schembri għadu jirrenja minkejja dak kollu li nkixef dwaru.
B’dan li għadni kemm ktibt tista’ forsi tifhem għaliex.