Membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li kienu preżenti għal laqgħa tal-bieraħ tkellmu miegħi dwar Adrian Delia li jinsab taħt pressjoni u dwar l-imġieba tiegħu mimlija rabja u stmerrija fil-konfront tal-kritiċi tiegħu.
Il-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija ssejjħet mill-President il-ġdid tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione u dan wara li qamet kwistjoni dwar kif kellhom jitfasslu l-kliem tal-mozzjoni li għandha tiġi diskussa fis-sessjoni straordinarja tal-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Lulju.
Din is-sessjoni straordinarja tal-Kunsill issejjħet wara li ġiet iffirmata petizzjoni minn 200 membru tal-Kunsill Ġenerali li fiha ntalab li ssir mozzjoni favur ir-riżenja minn Kap ta’ Adrian Delia. Il-petizzjoni nġabret wara li Adrian Delia ripetutament u pubblikament irrifjuta li jsejjaħ vot ta’ fiduċja wara r-riżultati diżastrużi tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali f’Mejju li għadda, u dan minkejja l-parir li tah biex jagħmel proprju dan wieħed mill-predeċessuri tiegħu Lawrence Gonzi.
Minkejja r-rifjuti ripetuti tiegħu li jsejjaħ vot ta’ fiduċja, fil-laqgħa tal-bieraħ Adrian Delia insista li jkun hu li jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill Ġenerali għas-27 ta’ Lulju u li għaldaqstant għandu jfassal il-kliem tal-mozzjoni huwa stess. Fil-fatt huwa ppropona li l-mozzjoni jkun fiha kliem fis-sens li l-Kunsilliera qed jiġu mitluba jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala kap tal-partit “biex ikun f’pożizzjoni li jimplimenta r-riformi meħtieġa”.
Il-kliem tal-mozzjoni kif propost minn Adrian Delia kien joħloq dilemma għall-Kunsilleria: li kieku jagħżlu li ma jikkonfermawx lil Adrian Delia bħala kap tal-partit, ikunu wkoll qed joqtlu r-“riformi meħtieġa”.
Il-bieraħ inġibdet l-attenzjoni ta’ Adrian Delia għall-fatt li l-partit huwa obbligat bl-istatut li jressaq il-petizzjoni għall-vot tal-Kunsill Ġenerali. Kien hawn li Delia wieġeb li – jekk dan huwa l-każ – il-Partit ikollu jsejjaħ tliet sessjonijiet suċċessivi tal-Kunsill Ġenerali u li jsir vot separat fuq tliet mozzjonijiet li jittratta dwar l-istess suġġett. It-tielet sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tkun trid tikkunsidra petizzjoni oħra li jingħad li ġiet imnedija mit-tmexxija tal-Partit nnifisha b’appoġġ lil Adrian Delia u b'”kundanna” għall-kritiċi tiegħu fil-Grupp Parlamentari.
Uħud mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv lil Adrian Delia wissewh li l-proposta tiegħu tista’ ssarraf fil-qerda tal-PN bħala partit politiku vijabbli.
Uħud minn dawk li kienu preżenti tkellmu dwar l-għajjat u intimidazzjoni persistenti li kien hemm prinċipalment fil-konfront ta’ Mark Anthony Sammut, l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv, minn naħa ta’ Adrian Delia. F’mument minnhom, Adrian Delia kien qisu qed jgħaddi lil Mark Anthony Sammut minn “kontro-eżami bħallikieku kien xi xhud ostili fil-qorti”. L-intimidazzjoni kontra Sammut kompliet hekk kif Adrian Delia ħareġ mill-kamra biex ipejjep sigarrett: hu u ħiereġ mill-istess kamra, saħansitra Delia baqa’ jagħmel l-arja, jgħajjar u jżeblah lil Mark Anthony Sammut.
Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli mbagħad kompla żied id-doża meta hedded lil dawk li kienu qed juru nuqqas ta’ qbil mal-kliem tal-mozzjoni proposta minn Adrian Delia, li jista’ jkun hemm “xi ħadd” li jista’ jfassal mozzjoni lill-Kunsill Ġenerali li ssejjaħ għar-riżenji ta’ dawk il-membri parlamentari tal-PN li ma jappoġġjawx lill-kap tal-partit.
Dan l-għajjat, theddid u intimidazzjoni baqa’ għaddej għal madwar erba’ sigħat u nofs: biżżejjed wieħed igħid li wħud mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tant kienu diżgustati li spiċċaw biex telqu ‘l barra mil-laqgħa.
Madankollu kien Ivan Bartolo li, flimkien ma’ Mark Anthony Sammut kien wieħed mill-promoturi tal-petizzjoni li ssejjaħ għar-riżenja ta’ Adrian Delia, ppropona li jintlaħaq kompromess li permezz tiegħu ikun Adrian Delia li jqiegħed verżjoni tal-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Ġenerali.
Bis-saħħa ta’ dan il-kompromess, tneħħiet ir-riferenza kontradittorja għar-“riformi meħtieġa” u issa l-mozzjoni li ntlaħaq ftehim dwarha titlob lill-Kunsilliera biex jiddeċiedu dwar jekk iridux lil Adrian Delia jibqa’ kap tal-partit sal-elezzjoni ġenerali li jmiss”.
Dan ifisser li l-Kunsill Ġenerali tabilħaqq se jivvota dwar mozzjoni ta’ fiduċja dwar Adrian Delia, ħaġa li kien kategorikament irrifjuta li jikkunsidra sakemm il-kwistjoni kellu ta’ bilfors jiffaċċjaha bis-saħħa tal-petizzjoni ta’ Mark Anthony Sammut, Ivan Bartolo u oħrajn.
Il-Kunsilliera ser jintalbu jivvutaw “Le” jekk ikunu jridu lil Adrian Delia jirriżenja mit-tmexxija tal-partit.
Il-promoturi tal-petizzjoni wkoll ingħataw assigurazzjoni li llum kienu ser jingħataw il-listi ta’ dawk li huma eliġibbli li jivvutaw u li l-votanti kien ser ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’votazzjoni bikrija kif kienu talbu l-istess promoturi in vista tal-fatt li wħud mill-Kunsilliera kienu ser ikunu msefrin.