Julian Micallef

Julian Micallef, eks-xufier tal-Kap tal-PN u issa magħruf bħala l-“id il-leminija” ta’ Adrian Delia, ġie mixli minn attivist tal-PN li għamel arranġamenti biex mart Adrian Delia, Nickie Vella de Fremaux, tiġi segwita u jinġibdu videos fuqha minn wara darha.

Ix-xilja saret permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata mibgħuta lill-kap tal-partit Adrian Delia. F’din id-dikjarazzjoni, eks galoppin ta’ Adrian Delia jikteb li huwa kien jirċievi ordnijiet mingħand Julian Micallef u li ma jafx jekk dawn l-ordnijiet Adrian Delia kienx jaf bihom.

Dan il-galoppin, li kien appoġġja bis-sħiħ lil Adrian Delia, jixli lil Julian Micallef li kien iqabbdu biex joħloq Facebook profiles foloz li Micallef kien imbagħad jużahom biex “jattakka u jgħajjar bi kliem mill-iktar dispreġġjattiv” lil dawk id-deputati Nazzjonalisti li jidhru li ma jappoġġjawx lil Adrian Delia. Il-kittieb isemmi 10 Facebook profiles allegatament foloz, li wħud minnhom tista’ tagħrafhom faċilment bħala trolls feroċi li jiktbu fil-paġni tal-Facebook ta’ dawk li jażżardaw jikkritikaw lil Adrian Delia, inkluża l-paġna tal-Facebook ta’ din il-website.

Il-kittieb tad-dikjarazzjoni qal ukoll li Julian Micallef kien tah ordni biex “jattakka” lil galoppin ieħor ta’ Adrian Delia magħruf bħala Ċensu l-Iswed bis-saħħa taċ-ċirkolazzjoni ta’ ritratt li fih dan l-attivist jidher mal-eks kap tal-partit Simon Busuttil.

Kiteb ukoll li, waqt li kienet għadha għaddejja l-kampanja tal-elezzjoni tal-kap, Julian Micallef kien bgħatlu ritratt ta’ Adrian Delia jippoża mal-eks mara tad-deputat tal-PN Jason Azzopardi. Julian Micallef kien talbu jiċċirkola r-ritratt fuq il-Facebook wall bil-għan li jiġi umiljat Jason Azzopardi li dak iż-żmien kien qed jikkampanja favur il-kandidatura ta’ Chris Said.

Il-kittieb qal ukoll li l-amministraturi tal-gruppi PN tal-Facebook kienu rċievew ordni mingħand Julian Micallef biex iġiegħlhom ineħħuh mill-gruppi.

Huwa temm il-kitba tiegħu bi twissija li kien ser iżomm lil Julian Micallef responsabbli għal kull azzjoni ta’ “tpattija” li tista’ ssir fuqu jew fuq il-familja tiegħu u dan talli kixef din l-istorja.