Is-sentenza li nqatgħet dalgħodu m’hi xejn ħlief dikjarazzjoni ċara dwar kemm ma jiswew xejn l-hekk imsejjħa riformi fil-ġudikatura ta’ Own Bonnici.

Il-gvern, permezz ta’ Owen Bonnici, il-u jgħid li tal-Labour kienu saħħew l-indipendenza tal-ġudikatura permezz tal-emendi li saru fil-Kostituzzjoni fl-2016 u bil-ħolqien tal-“Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura”.

Il-gvern ried ibellagħha li ġaladarba l-Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura huwa presjedut mill-Prim Imħallef, iservi fih l-Avukat Ġenerali u jiffunzjona indipendentement mill-Prim Ministru, l-għażla ta’ mħallfin u maġistrati ġodda ssir indipendentement mill-gvern. F’demokrazija moderna, hekk suppost għandu jkun.

Iżda dalgħodu l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri taw sentenza li permezz tagħha qalu li l-argumenti ta’ Owen Bonnici huma ħmerijiet. U dan għaliex il-“Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura” fil-fatt ma jagħmel ebda ħatriet.

L-imħallfin dan qaluh fis-sentenza li fiha ċaħdu t-talba ta’ Repubblika biex il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi jirrikuża ruħu mis-smiegħ tal-appell li għamlu fil-kawża li saret dwar il-ħatriet fil-ġudikatura. Ta’ Repubblika qed isostnu li l-ħatriet fil-ġudikatura saru skond id-diskrezzjoni totali tal-Prim Ministru u li għaldaqstant il-ġudikatura f’Malta m’hix indipendenti mill-indħil tal-gvern.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li ktibt dwar ir-raġunijiet li ġabet il-Qorti meta ċaħdet it-talbiet ta’ Repubblika.

Li hu ferm interessanti huwa l-isfond li l-imħallfin tkellmu dwaru qabel waslu għad-deċiżjoni tagħhom:

Illi l-President tal-Qorti fil-funzjoni tiegħu ta’ Prim Imħallef m’għandu ebda diskrezzjoni dwar il-ħatra ta’ ġudikanti, u l-funzjoni tiegħu fir-rigward hija dik li jippresjedi l-Kumitat Dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura (il-Kumitat) u hija limitata għall-evalwazzjoni tal-“eleġibilita’ u l-meritu” ta’ min hu interessat, jew min ikun tressaq mill-Prim Ministru, li jservi fil-karika ta’ imħallef jew maġistrat, u jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja li minn naħa tieħu jgħaddi ir-rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru li, fis-sistema eżistenti, finalment għandu d-diskrezzjoni lil min jaħtar ġudikant; tant id-diskrezzjoni ta’ min jinħatar ġudikant hi f’idejn Prim Ministru, u mhux f’idejn il-Kumitat, li l-Prim Ministru jista’ ma jaqbilx mar-rakkomdandazzjoni tal-Kumitat u xorta jaħtar persuni li ma kinux ġew approvati mill-Kumitat, basta f’dawn il-każijiet jagħti raġunijiet fir-rigward.

Għaldaqstant il-funzjoni tal-Prim Imħallef li jippresjedi l-Kumitat għall-evalwazzjoni ta’ kanditati li jkunu esprimew l-interess tagħhom jew li isimhom tressaq quddiem il-Kumitat, sabiex jservu bħala Imħallfin jew maġistrati ma twassalx neċessarjament għall-ħatra ta’ ġudikant, għax din tibqa’ dejjem fid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru”.

Tliet imħallfin, inkluż il-Prim Imħallef, dak li ngħad ripetutament minn Owen Bonnici, għamluh irmied.

Fejn jidħlu ħatriet ġodda, l-Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura ma jagħti ebda indipendenza lill-ġudikatura. Id-diskrezzjoni dwar l-għażla tinsab f’idejn il-Prim Ministru u f’idejh waħdu.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja diġà spjegat dan x’ifisser: ifisser li f’dan il-qasam id-demokrazija ma teżistix.

U l-gvern ma jridx jagħmel it-tibdiliet meħtieġa u qed iwebbes rasu u jkompli jagħmel ħatriet anki wara li ngħata pariri minn waħda mill-entitajiet l-aktar rispettati madwar id-dinja fil-qasam kostituzzjonali.  .

Il-gvern aktar moħħu li joqgħod jissielet ma’ Repubblika fil-qorti.