Ftit huma dawk li skantaw hekk kif feġġet l-aħbar li Adrian Delia għandu ma’ wiċċu problemi finanzjarji serji ħafna. Ilhom ifeġġu mistoqsijiet dwar kif inhu possibbli li jiffinanzja l-livell tal-għajxien tiegħu u l-impenji tiegħu bil-paga li għandu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni mħallsa mill-Istat.
Fis-7 ta’ Jannar it-Times of Malta tkellem dwar id-disparità qawwija bejn id-dħul kull xahar ta’ €2,700 li għandu Adrian Delia (dak li huwa magħruf pubblikament) u d-digriet tal-qorti li permezz tiegħu kien ġie ordnat iħallas €2,750 fix-xahar bħala manteniment. Dan ma jinkludix il-ħlasijiet ta’ miżati tal-iskejjel tal-5 uliedu u l-ammont ta’ madwar €700,000 li għandu jagħti fuq self u overdrafts.
F’kummenti li kien għamel lil dan il-ġurnal f’Jannar, Adrian Delia “xejjen kull dubju dwar il-ħila tiegħu li jonora l-impenji finanzjarji tiegħu u qal li kieku ma kompliex iħallas id-djun ‘il-bank kien jaqbeż fuqu”.
Il-protest ġudizzjarju li ppreżentat martu llum juri li l-bank issa ser igħaddi għall-fatti.
Jekk Adrian Delia bi ħsiebu jgħid li huwa ħallas dak kollu li kien dovut, se tqum il-mistoqsija dwar minn fejn ġab il-flus biex seta’ jħallas.
Wara dak kollu li ġie żvelat illum, il-fatt li huwa għażel li jżomm il-livell tal-għajxien li kien imdorri bih, li jinfired minn ma’ martu u li jibqa’ attiv fil-politika iqiegħed mistoqsija kbira dwar is-sostenibilità finanzjarja fit-tul tiegħu.