Mill-protest ġudizzjarju li ppreżenta llum l-avukat ta’ Nickie Vella de Fremeaux, mart Adrian Delia, jirriżulta li fallew l-isforzi li saru biex ikun hemm medjazzjoni bil-għan jintlaħaq ftehim bonarju dwar is-separazzjoni ta’ bejniethom. Jirriżulta li Nickie Vella de Fremeaux talbet u akkwistat il-permess tal-qorti biex tibda’ kawża kontra żewġha – kawża li mistennija tinbeda’ “fil-ġranet li ġejjin”.

Dan huwa żvilupp sinjifikanti fl-isfond tal-impenji li kien għamel Adrian Delia f’Jannar li għadda lill-membri tal-Grupp Parlamentari hekk kif feġġet l-aħbar tas-separazzjoni bejn u bejn martu permezz ta’ din il-website fil-25 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.

Dak iż-żmien, mart Adrian Delia kienet ippreżentat dokumenti fil-qorti li kien fihom allegazzjonijiet serji ħafna fil-konfront ta’ Adrian Delia.

Dak iż-żmien ukoll, Adrian Delia kien serraħ l-imħuħ ta’ sħabu fil-Grupp Parlamentari li jekk ikollu xi ftit tal-privatezza ikun jista’ jikkontrolla l-ħsara li tista’ tagħmillu s-separazzjoni minn martu u biex id-diffikultajiet personali tiegħu ma jsirux is-suġġett ta’ kontroversja politika.

Il-medjazzjoni f’każijiet ta’ separazzjoni sseħħ fil-privat u, jekk tintemm b’suċċess u jkun hemm ftehim dwar is-separazzjoni, il-qorti ma jkollhiex għalfejn tidħol fil-mertu dwar min għandu t-tort u dwar min għandu raġun qabel tgħaddi biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbutin mal-kustodja tat-tfal jew is-separazzjoni tal-ġid komuni tal-koppja.