Skont is-sentenza li nqatgħet il-bieraħ mill-Qorti Kostituzzjonali, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet kisret id-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia meta għal darba darbtejn neħħiet strixxun li huma tellgħu mal-proprjetà tagħhom stess u li fih talbu li jiġu magħrufa l-fatti wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Mill-proċess tal-qorti jirriżulta li kien Johann Buttigieg, chairman eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, li kien ħareġ l-ordni biex jitneħħa l-istrixxun. Huwa kkonferma li kien ta ordni bil-fomm sabiex jitneħħew l-istrixxuni kollha b’mod immedjat u b’hekk injora l-prinċipji kollha tal-liġi Kostituzzjonali li jeħtieġu li jkun hemm reazzjoni proporzjonata meta tiġi ċensurata l-libertà tal-kelma.
Uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar li huwa responsabbli għall-infurzar ikkonferma wkoll li din l-ordni kienet ngħatat minn Johann Buttigieg.
M’għandniex xi ngħidu, dan il-kumpens ser jitħallas mit-taxxi li nħallsu aħna bħala ċittadini u dan minkejja l-fatt li ma konniex aħna li b’xi mod ksirna d-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia. Li ser jiġri hu li dak li kien responsabbli ser jibqa’ bla mittiefes mis-sentenza tal-qorti u għan-nuqqasijiet tiegħu ser ikollu jħallas iċ-ċittadin.
Fuq dan biss, lil Johann Buttigieg imissha tiddabbarlu rasu. U għandha tiddabbarlu rasu wara li jkun ħallas is-somma ta’ €20,000 li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tagħti lill-familja Caruana Galizia.
Ma tarax.