Dan il-kliem kien intuża mill-PN fiż-żmien meta kienu nkixfu l-Panama Papers u kien deher ċar li Malta kien ser ikollha l-uniċi politiċi fid-dinja demokratika li ma dabbrux rashom hekk kif inqabdu b’strutturi sigrieti f’pajjiż ieħor biex ikollhom fejn iġemmgħu u jaħżnu flejjes li mhux suppost kienu fil-bwiet tagħhom.
Fil-ġungla tal-Amażonja, jeżistu tribuwijiet ta’ Indjani li għadhom ma missewx mad-dinja ċivilizzata u li xorta waħda kellhom il-ħila li jiżviluppaw mod dwar kif jiffaċċjaw l-iskandli dwar il-korruzzjoni li huwa ħafna aktar serju minn dak ta’ Joseph Muscat.
Louise Tedesco jidhrilha li dak iż-żmien, il-PN ma kienx messu assuma r-rwol ta’ “ġurija, mħallef u bojja” u li l-“Barra Brigade” ma kienx messha ppersonalizzat il-kwistjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat.
Mid-dehra, skont Tedesco, għandna noqgħodu nduru mal-lewża, noqgħodu attenti ma mmorrux nirfsu xi kallu u nqisu kliemna meta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jinkixef li, ġimgħa biss wara li l-imgħallem tiegħu ħa s-setgħa, ħoloq kumpannija sigrieta fil-Panama. Naħseb li meta lill-pajjiż kienu għabbewh bil-piż tal-agħar kuntratt dwar l-enerġija li seta’ jiġi miftiehem biex Keith Schembri seta’ jimpala għal ġo butu $5,000 kuljum, lil Yorgen Fenech kien ser igħidlu biex it-trasferimenti bankarji ma jippersonalizzahomx u jerħilhom vagi.
Ma nistax ma nsemmix l-ironija: eżatt sena ilu kien Adrian Delia li talab lil Simon Busuttil biex iwarrab, ħareġ l-ordni ‘barra!’, keċċieħ mill-Kabinett Dell ftit minuti wara li sema’ dak li kellu x’igħid Joseph Muscat dwar rapport ta’ inkjesta li – sena wara – għadu ma xxandarx.
Araw naqra l-wiċċ sfiq ta’ min irid jitkellem dwar “ġurija, mħallef u bojja”!
Qed nassumi li dakinhar Louise Tedesco kienet appoġġjat lil Adrian Delia għaliex, f’moħħha, dak li ddeċieda kien jagħmel is-sens.
Adrian Delia mexxa’ l-‘barra brigade’ minn dakinhar li feġġ fix-xena politika. Il-kelma ‘Barra’ kienet is-slogan mhux uffiċjali tal-kampanja tiegħu. Ried iqaċċat lil tal-“establishment“. Kien werżaq li “lill-partit tagħna rriduh lura”. Lura? Minn min? Minn fejn? Minn xiex? X’aktarx mis-sens komun.
Hu u jippassiġġa fuq palk ċkejken iwerżaq b’rabja f’mikrofonu u jipponta subgħajh fl-ajru, kien il-mexxej tal-“barra” Adrian Delia li, waqt dagħdigħa sħuna, kien ipproklama l-ħelsien tal-PN mill-“biċċa blogger”.
U kien Adrian Delia lil lill-The Malta Independent on Sunday qallu li t-telliefa tal-vot ta’ nhar is-Sibt ser ikollhom ilestu għal sensiela ta’ “deċiżjonijiet ibsin” minn naħa tiegħu. Lil dawk li qalulu f’wiċċu li kien libes żarbun li ma jiġieħx, qed ilesti biex igħidilhom ‘barra’.
Madankollu Louise Tedesco qalet waħda tajba. Anki jekk Adrian Delia jirnexxielu jikseb l-appoġġ ta’ aktar minn nofs il-Kunsilliera tal-PN, dan b’ebda mod m’hu ser iwaqqaf lil dawk li jafu jiddistingwu bejn dak li hu sewwa u dak li m’huwiex. Ħalqhom lanqas m’huma ser isodduh.
Louise kien messha wżat stil ftit anqas faxxista f’kitbietha. Lill-Ministru tal-Finanzi Britanniku, li dan l-aħħar stqarr li kien bi ħsiebu jirriżenja flimkien ma’ oħrajn hekk kif tixtered l-aħbar li Boris Johnson ikun ġie elett fit-tmun tal-Partit Konservattiv, ħadd ma qallu li qed iġib ruħu ta’ “ġurija, mħallef u bojja”. Ħadd ma xlieh li huwa traditur.
Qatt ma kellna kap tal-PN li kellu raġun dejjem, li dejjem ikkuntenta lil kulħadd u li kien b’xi mod perfett f’kull ma kien jagħmel. Kull kap li kellu l-PN sab ma’ wiċċu l-kritika interna u esterna kif ukoll l-iżlealtà. Kull kap li kellu l-PN kellu jiffaċċja l-fehmiet diversi ta’ persuni kuraġġjużi u ta’ rieda soda fi ħdan il-Partit li ma kinux joqgħodu lura milli jgħidu tagħhom. Dawn kienu mexxejja veri. Kienu jafu kif għandhom iġibu ruħħom meta kien ikun hemm nuqqas ta’ ftehim, żlealtajiet u determinazzjoni. Kien jafu jmexxu. Kienu jispiraw, jimmotivaw, iħeġġu, jaqsmu ħsibijiethom, jiddiskutu u jiddeċiedu. Mexxejja bħala dawn kienu jattiraw il-lealtà u ta’ madwarhom kienu jappoġġjawhom saħansitra anki meta kienu jiżbaljaw.
U issa l-PN jinsab immexxi minn bniedem li l-kelma ‘Barra’ tant għamilha litanija li qed jitlef il-voti ta’ dawk li b’mod konsistenti dejjem appoġġjaw lill-kapijiet ta’ qablu. Is-sitwazzjoni tant iddiġenerat li l-PN issa sar qisu setta reliġjuża b’qassis wieħed ewlieni u b’ġemgħa ta’ ħrief tas-sagrifiċċju. Jidher li għadu ma temmx il-qtugħ tal-irjus.
X’aktarx li nhar il-Ħadd li ġej filgħodu Louise Tedesco se tkun qed tiċċelebra mal-imgħallem tagħha.
Iżda għall-PN se jkun qisu wasallu l-ħin tal-forka.