Għadhom kemm inkixfu screenshots ta’ messaġġi permezz tal-Whatsapp miktuba minn Julian Micallef, l-id il-leminija ta’ Adrian Delia, li permezz tagħhom jagħti ordnijiet lill-voluntiera sabiex isegwu l-passi ta’ deputati Nazzjonalisti u biex jiġibdulhom ir-ritratti waqt laqgħat privati li jkunu fihom.
Dawn l-iscreenshots, li ġew konfermati bħala awtentiċi minn diversi xhieda, jirreferu għal “JA” (Jason Azzopardi) u għal “BFA” (Beppe Fenech Adami). Julian Micallef jidher li qed isejjaħ lil dawk li rċievew il-messaġġi tiegħu biex “isegwu” l-passi taż-żewġ deputati u sabiex jiġbdu r-ritratti tal-persuni li jkun ltaqgħu magħhom.
F’konversazzjoni oħra, li jidher li seħħet f’Jannar 2019, Julian Micallef iħeġġeġ grupp ta’ persuni biex jiltaqgħu fil-belt Valletta “fis-16”.
Fis-16 ta’ kull xahar, attivisti jiltaqgħu fil-belt Valletta biex jipprotestaw favur is-sewwa u għall-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Wara li stieden lil dawk li rċievew il-messaġġi tiegħu biex fis-16 imorru jieħdu kafè miegħu “qrib il-bini tal-Qorti”, Julian Micallef igħidilhom biex “imorru jitolbu fuq il-qabar ta’ dik il-muqrana”.
Aktar tad iħeġġeġ lil dawk li rċievew il-messaġġi tiegħu biex “isegwu l-passi ta’ BFA”, jiġifieri l-passi ta’ Beppe Fenech Adami. “Hu kollox,” kiteb fil-messaġġ b’ittri kbar, jiġifieri li “hu l-perċimes li qed jaqla’ l-inkwiet”.
Fi screenshot ieħor Julian Micallef igħid li “Carol” (x’aktarx hawn qed jirreferi għad-deputat tal-PN Karol Aquilina) iltaqa’ ma’ “RCC” (x’aktarx hawn qed jirreferi għall-eks ambaxxatur Richard Cachia Caruana) f’Palazzo Parisio. Hawn jidher jilmenta li ma kienx irnexxielhom jiġbdu ritratt ta’ dawn it-tnejn flimkien.
Dawn il-messaġġi nkixfu ftit wara li xxandret dikjarazzjoni ffirmata minn eks galoppin ta’ Adrian Delia li stqarr li kien Julian Micallef li kien tah ordni biex isegwi l-passi u jiġbed ritratti ta’ Nickie Vella de Fremeaux, mart Adrian Delia.
Dawn il-messaġġi jagħtu lil wieħed x’jifhem teżisti xibka ta’ spiji li qegħda taħdem b’riżq l-id il-leminija Adrian Delia u li qed issegwi l-passi ta’ dawk li qed jħarsu lejhom bħala theddida għal Adrian Delia.