L-istqarrija tal-PN li tiddefendi lill-Kbir Mexxej mill-“attakk viljakk u personali fuq Adrian Delia” tagħmel ħafna għaġeb mill-fatt li l-istejjer li xxandru llum dehru ftit jiem qabel il-vot ta’ fiduċja ta’ nhar is-Sibt li ġej dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
It-titlu kollu tal-istqarrija jġib dan il-kliem: “Attakk viljakk u personali fuq Adrian Delia lejliet vot importanti fil-Kunsill Ġenerali”.
Apparti l-fatt li, fid-dizzjunarju tal-PN, il-kelma “ġifa” tfisser xi ħaġa differenti minn kif is-soltu tinftiehem, jaqaw dawn b’xi mod qed igħidu li ma kienu ikun ġara’ xejn li kieku r-rapport dwar il-kontenut tal-protest ġudizzjarju xxandar wara t-teħid tal-vot ta’ nhar is-Sibt?
Jien qed nifhem li qegħdin igħidu proprju dan.
Jekk qed nifhem sew, allura tal-PN iħoss li lill-Kunsilliera tiegħu ma messhiex inġibditilhom l-attenzjoni għall-fatt li l-kap tal-partit waqa’ lura fil-ħlasijiet ta’ dejnu mal-bank ftit qabel ser jiġu mitluba jesprimu l-fiduċja fih?
Dan ma jistax ħlief ifisser li tal-PN ma jiddejqu xejn li jaħbu l-fatti mill-Kunsilliera tagħhom u dan biex jassiguraw li l-Kunsilliera jivvutaw kif jixtiquhom jivvutaw.
Meta l-politiċi jittantaw jaħbu xturhom, dmir il-ġurnalisti ħielsa hu li jikxfuhom.