Adrian Delia xandar dak li sejjaħ bħala “riċevuti” ta’ trasferiment bankarju li jidher li ried jagħmel fis-17 ta’ Lulju minn kont kurrenti fil-BNF Bank għal ġewwa kont li għandu f’ismu mal-HSBC. Huwa qal li din hi prova li kien ħallas meta ntebaħ li l-HSBC kien talbu biex iħallas dak li kien dovut. Għalkemm waqa’ lura fil-ħlas u weħel penali fuq l-imgħax ta’ 1% fuq ir-rata miftehma, b’ebda mod ma jġib prova li l-ħlas kien fil-fatt sar. Dak li xandar mhuwiex screenshot ta’ riċevuta. Il-bank tah żmien sal-20 ta’ Lulju biex iħallas il-pagamenti li kienu waqgħu lura. Il-bieraħ, jiġifieri l-25 ta’ Lulju, f’protest ġudizzjarju li ppreżentat, martu allegat li sal-24 ta’ Lulju, il-flus kienu għadhom ma ġewx depożitati fil-loan account tagħhom. U Adrian Delia ma ġabx prova waħda li dak li kienet qed tallega martu ma kienx minnu. Sakemm ma jġibx din il-prova – u ma tridx wisq biex iġġibha – wieħed jista’ faċilment jikkonkludi li ma kienitx żbaljata f’dak li allegat.

U għaliex ikkwotajt dak li allegat hi,  fi stqarrija uffiċjali l-PN qal li jien kodard u li lil Adrian Delia jien attakkajtu personalment. Huwa wkoll qal li jien gdibt ripetutament. Issa jien diġà ħarrikt lil tal-PN fil-qorti talli f’Awwissu li għadda għajjruni giddieb. Ilhom minn dak iż-żmien jippruvaw itawwlu u sinċerament ma nafx kemm hu vallapena li noqgħod nagħmlilhom kawża oħra. Sas-1:30 ta’ dalgħodu kont għadni mqajjem nistenna lil Adrian Delia jiftaħ il-qorti bil-lejl biex jippreżenta xi sensiela ta’ kawżi ta’ libell. Hekk kien għamel wara d-diskorsi isteriċi tiegħu dwar il-“biċċa blogger”. Dak iż-żmien il-vittma tiegħu kienet Daphne Caruana Galizia.

Sur Adrian Delia, l-“imma” hi din li ġejja.

L-hekk imsejjħa “riċevuti”, li m’huma riċevuti xejn, juru li int għandek kont bankarju mal-BNF Bank. Iżda dan il-kont ma jidher imkien fl-aħħar dikjarazzjoni pubblika tal-ġid tiegħek. Tista’ tgħidilna dan il-kont meta kont ftaħtu? It-trolls qiegħdin igħidu li dawn huma affarijiet ta’ natura personali. Jekk int qed taqra’ dan li qed nikteb u int m’intix persuna pubblika, m’għandekx għalfejn tħabbel rasek: il-kontijiet bankarji tiegħek mhux se jkunu s-suġġett ta’ diskussjoni fuq dan il-blog. Iżda jekk int politiku li ma’ wiċċek għandek problemi finanzjarji kbar, din ma tkun xejn ħlief għalqa għammiela li fiha tista’ tixxettel il-korruzzjoni.

Tixgħel bozza ħamra meta jkollok politiku li minn imkien jitfaċċawlu flejjes li jippermettulu jagħmel ħlasijiet ta’ pagamenti li jinsabu lura.