Lanqas li qiegħed iqatta’ ħafna żmien f’xatt il-baħar.
Dawn l-attivitajiet politiċi ta’ kull nhar ta’ Ħadd tan-Newsbook isejħulhom “tradizzjonali” u d-diskorsi li jagħmlu l-mexxejja tal-partiti nhar ta’ Ħadd filgħodu ssejħilhom “priedki”. Din tal-aħħar m’hix nieqsa mis-sarkażmu fil-kuntest tal-fatt li sidt in-Newsbook hi knisja.
Dawn id-diskorsi ta’ nhar ta’ Ħadd m’humiex “tradizzjonali” daqs kemm wieħed jista’ jaħseb li huma. Kien bdiehom Alfred Sant. Meta Eddie Fenech Adami kien mexxej tal-PN, Sant biss kien jitkellem nhar ta’ Ħadd. Il-Ħdud tajbin biex il-politiċi jesprimu fehmithom iżda f’ġranet oħrajn ma’ jiġri kważi xejn aktar. Dawn id-diskorsi ta’ nhar ta’ Ħadd taqra’ dwarhom fil-ġurnali tat-Tnejn filgħodu – jum li fil-ġurnali ma tantx issib x’taqra li jkun ta’ sugu.
Alfred Sant kien iżur il-każini Laburisti u kien jagħmel diskorsi li kienu mbagħad jiġu rappurtati fil-ġurnali l-għada.
Eddie Fenech Adami ma kienx lest li joqgħod jibdel ir-rutina tal-familja tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd dan kollu għaliex Alfred Sant ma kellux affarijiet aħjar x’jagħmel.
Meta Lawrence Gonzi kien ħa r-riedni tal-partit, ikkonvinċewh li m’għandux iħalli lil Alfred Sant bil-monopolju tad-diskorsi tal-Ħadd filgħodu. Kien proprju fl-2004 li nbdiet it-“tradizzjoni” tad-diskorsi tal-mexxejja tal-partiti kull nhar ta’ Ħadd filgħodu.
Dawn id-diskorsi tabilħaqq huma “priedki” li huma kontrollati mill-bidu sal-aħħar. Kull nhar ta’ Ħadd, sakemm ma jkunx temp xemxi żżejjed jew bix-xita qliel li jħajjar lin-nies joqgħodu d-dar, il-mexxej tal-partit iżur każin tal-partit f’lokalità u jindirizza ġemgħa mimlija ħeġġa. La jkun hemm ibbuwjar u lanqas mistoqsijiet ostili.
Fil-ġranet tas-sħana, il-mexxej jindirizza lis-segwaċi minn fuq ir-radju tal-partit.
F’dawn l-aħħar tlitt Iħdud, erġajna lura għas-sistema l-antika li fiha jitkellem il-mexxej Laburista biss.
Adrian Delia qal li ma tkellimx f’dawn l-aħħar Ħdud (u jidher li ser jibqa’ ma jitkellimx kull nhar ta’ Ħadd mill-inqas sal-ħarifa) għaliex wara l-elezzjonijiet Erwopej in-nies “xebgħu”. M’għandniex xi ngħidu, din m’hi xejn ħlief skuża fjakka.
Bħalissa l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu bosta suġġetti fuqhiex jista’ jitkellem. Kap tal-Oppożizzjoni ieħor, żgur li ma kienx jieqaf isemmi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa b’kundanna kontra l-gvern Malti li ġiet adottata l-ġimgħa li għaddiet. Kap tal-Oppożizzjoni ieħor, ma kienx jitlef l-opportunità li jidher biswit Jason Azzopardi wara li seħħet ir-rebħa politika tal-ġimgħa li għaddiet.
Kap ta’ Oppożizzjoni ieħor din il-ġimgħa żgur ma kienx iħalli għaddejja s-sitwazzjoni mwiegħra li jinsab fiha l-Bank of Valletta.
Kap tal-Oppożizzjoni ieħor kien jaqbeż għall-ħaddiema tal-Air Malta li, wara li ġew użati u sfruttati minn gvern li kien wiegħedhom ġenna fl-art, issa qed igħajjarhom għedewwa tal-poplu. Kap tal-Oppożizzjoni ieħor kien ikun jaf li bħalissa il-ħaddiema tal-Air Malta qed igħumu f’baħar ta’ inċertezza u jippretendu li jirċievu l-appoġġ minn naħa tal-Oppożizzjoni Parlamentari li għandha tesprimi t-tħassib tagħha għas-sitwazzjoni li dawn inġiebu fiha.
Iżda Adrian Delia (u l-konsulenti tiegħu) jidher li ma tantx qed iħabbel sufu. Għalih ħela ta’ żmien li toqgħod tfassal politika dwar il-ġustizzja u l-intern, dwar il-qasam tas-servizzi finanzjarji, dwar l-avjazzjoni, dwar it-turiżmu u dwar dak kollu li jolqot lin-nies.
Lil tan-Newsbook Adrian Delia qalilhom li bi ħsiebu jistenna sakemm ikun jista’ jitkellem dwar “dak li jitkellmu dwaru n-nies”.
Il-verità hi li Adrian Delia qed iqatta’ l-Ħdud jiffoka fuq dak li verament jinteressa lilu – u lil ħadd aktar – jiġifieri li politikament jiżgura li jibqa’ fil-wiċċ. Dan huwa l-uniku suġġett li jinteressah u li jinsab mitluf fuqu.
Il-PN sar partit politiku li la jaf fejn hu u wisq inqas jaf fejn hu sejjer. Issa qed jidher ċar li, għax-xhur u għas-snin li ġejjin, il-PN mhux bi ħsiebu jistenbaħ min-nagħsa ħelwa li jinsab fiha.
Agħtu daqqa t’għajn lejn l-ittra li kiteb Dione Borg. Dan għamel sensiela ta’ “proposti” biex il-Kunsilliera jkollhom ma xiex jiggranfaw u biex dawn ikollhom speċi ta’ alternattiva għat-tneħħija tal-kap.
M’għandniex xi ngħidu, dan kollu m’hu xejn ħlief ħela ta’ żmien. Fi sforz mill-aktar patetiku biex jagħlaq il-kapitlu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, Adrian Delia stess qal li ma kienx hemm għalfejn li jiġi analizzat ir-riżultat elettorali f’xi rapport.
Iżda issa, fl-isfond tal-istat estrem li daħal fih il-partit, qed jippruvaw jevitaw li tittieħed kwalisiasi forma ta’ azzjoni billi tinħatar kummissjoni li tibda’ x-xogħol tagħha sakemm kulħadd jitlef l-interess fiha.
Mill-perspettiva ta’ Adrian Delia, din m’hix strateġija ħażina għall-aħħar: kulħadd tilef l-interess. Mar għal btala politika u kellhom igħaddu tlitt ijiem biex tan-Newsbook qamu fuq tagħhom u talbuh jispjega fejn mar jinħeba.
Issa li qalilhom li mhux ser jarawħ għal żmien twil, ħadd m’hu jiddispjaċih. Madankollu Joseph Muscat għandu tbissima fuq fommu li tista’ tilmagħha minn seba’ mili bogħod.