Ir-rappurtaġġ tal-istazzjon nazzjonali TVM tal-Malta Today kien patetiku għall-aħħar x’aktarx għaliex ma kienx jum tajjeb biex wieħed isegwi l-linja tal-mezzi tax-xandir tal-Labour.

Għal xhur sħaħ, tal-Labour kienu ilhom iħejju biex jiċċelebraw it-trasformazzjoni tal-“kink” tagħhom Joseph Muscat f’ikona tal-glorja Ewropea. Madankollu jidher kemmxejn stramb il-fatt li dawn ħolmu li Joseph Muscat kien se jkun saħansitra kalkulat biex jingħata waħda mill-5 karigi l-kbar fl-Ewropa. Joseph Muscat kellu żewġ vantaġġi: (1) ma kien hemm ebda kandidat li kien ovvju li kien ser jilħaq hu u (2) issa ilu żmien mhux ħażin membru tal-Kunsill Ewropew.

M’hemmx dubju li l-kunfidenza żejda taf tinbet faċilment fl-imħuħ ta’ dawk li huma mdorrijin jaraw li dejjem tgħaddi tagħhom. Kulħadd jaf li Joseph Muscat ippretenda li jingħata kariga. Fil-fatt kien diġà ħabbar it-tluq tiegħu minn Malta u, hu u jħejji lil kulħadd għall-mument tal-glorja, ta x’jifhem li kien ser jibda l-proċess tas-suċċessjoni fil-partit.

U l-bieraħ kull ma kellhom xi jgħidu tal-One TV u s-satelliti tagħhom kien li  ma ngħatax kariga bi żbrixx. Diskors li ma jfisser kważi xejn: jew int tqila jew m’intix. Ma tistax tkun kważi tqila. Daqstantieħor ma tistax tkun kważi president tal-Kunsill Ewropew.

Il-linja uffiċjali li għoġobhom jiggranfaw magħha kienet li ismu kien fil-lista iżda li meta ġejna għas-si u n-no spiċċa biex baqa’ bir-riħa. Skont il-Malta Today, Joseph Muscat ma ngħatax l-appoġġ, fost oħrajn, mill-Ungerija u mill-Polonja – storja li, jekk għandha mis-sewwa, hi verament ironika għaliex Joseph Muscat kien ikun f’pożizzjoni li jgħinhom isibu tarf tal-problemi li għandhom dawn il-pajjiżi mal-istituzzjonijiet Ewropej dwar is-saltna tad-dritt.

Li huwa interessanti huwa l-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, dawk li jingħataw kariga dejjem ikunu jeħtieġu l-barka ta’ Angela Merkel. Jekk dak li rrappurtaw tal-One TV għandu xi ftit mis-sewwa, allura wieħed jista’ jiġbed il-konklużjoni li Angela Merkel warrbet isem Joseph Muscat minn kull lista li seta’ kien fiha. Issa serrħu naqra daharkom ma’ l-ewwel ħajt li jiġi quddiem għajnejkom u oqgħodu attenti li ma tixirqux inthom u tinfexxu f’daħka twila.

Joseph Muscat baqa’ bir-riħa, iżda dan ma kienx l-uniku diżappunt li kellu. Peress li għandu rekord negattiv f’dik li hi protezzjoni lill-korrotti u s-suspetti inevitabbli li hu stess qed igawdi mill-korruzzjoni, ta’ Brussel mhux talli ma tawħx ċans li jipprova jagħlaq kapitlu u jibda’ mill-ġdid. Iżda lanqas lil sieħbu Frans Timmerman ma tawh il-promozzjoni li dan kien qed jistenna li jingħata biex jippresjiedi l-Kummissjoni Ewropea. M’għadx għandu lil min jaqilgħu u lil min il-kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta iqisu bħala kwistjoni ta’ importanza żgħira.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkun presjeduta minn mara ta’ stoffa alleata ta’ Merkel – żewġ nisa li lil persuni bħal Joseph Muscat kapaċi li jxommuhom minn seba’ mili bogħod.

Iżda għad hemm iċ-ċans li Joseph Muscat jinnomina lilu nnifsu għall-Kummissjoni Ewropea. Jekk jagħmel dan, qabel jiġi nominat ikun irid igħaddi mill-għarbiel tal-Parlament Ewropew. U għax nafu sew x’kwalità ta’ reputazzjoni għandu Joseph Muscat fil-Parlament Ewropew, l-għarbiel li se jkun irid igħaddi minnu hu mistenni li jkollu toqob dojoq ħafna.

Jekk ma jaqbadx din it-triq, id-daqqa ta’ ħarta jkollu jibqa’ taħtha u jkollu jibqa’ hawn imexxi lill-Partit Laburista u lil Malta.

Issa bosta huma dawk li ser jintebħu li d-diversi rapporti tal-Parlament Ewropew, tal-House of Commons fir-Renju Unit, tal-ġurnali internazzjonali u tal-Kunsill tal-Ewropa ma kinux frott ta’ xi lobbying minn naħa ta’ David Casa. Lil Ana Gomes u lid-delegazzjoni parlamentari tagħha, Joseph Muscat kien qalilha li huwa prim ministru li jiġi jaqa’ u jqum mill-fehmiet tal-parlamentari Ewropej u li huwa lest jisma’ biss dak li għandhom xi jgħidu l-kapijiet ta’ gvernijiet oħra.

Il-bieraħ tawh risposta bil-pulit u wrewh li meta jitbissmulu ma jfissirx li jkunu qed jiggustawh. Ma’ kellhomx bżonn lil David Casa biex ifesfsilhom f’widnejhom. Waslu waħedhom għall-konklużjoni li l-Ewropa ma jistax ikollha ħalliel imexxiha.