Il-membri tal-Kunsill Ġeneral tal-PN ser jitlaqqgħu aktar tard dan ix-xahar sabiex jivvutaw fuq mozzjoni ta’ fiduċja fil-mexxej tal-partit Adrian Delia.

Il-mozzjoni, bil-mod kif tfasslet mill-mexxej innifsu, qiegħda toħloq konfużjoni sħiħa fl-imħuħ. Jidher li Delia ma jridx li l-proċess ikun wieħed nieqes mill-ambigwità.

L-iktar messaġġ ovvjament kontradittorju li qed jipprova jwassal lill-Kunsilliera hu li peress li l-mexxej kien intagħżel mit-tesserati, il-Kunsilliera ma jistgħux jannullaw dak li kienu għażlu l-istess tesserati.

Dan huwa argument redikolu li ma jreġix. Il-membru parlamentari Ingliż Kenneth Clarke għadu kemm wissa’ lil Boris Johnson li, kemm il-darba dan jsir prim minstru, jekk kien ser jażżarda jwettaq il-wiegħda li għamel li joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim, huwa bi ħsiebu jisfidah u jivvota kontra tiegħu fil-Parlament. Ħadd ma xela’ li Clarke bi tradiment: għaliex bħala membru parlamentari, Kenneth Clarke huwa kontabbli lejn il-kostitwenti tiegħu u mhux lejn it-tesserati tal-Partit Konservattiv li ser jeleġġu l-mexxej il-ġdid tagħhom. U din il-funzjoni huwa fid-dmir li jħaddimha jgħid x’igħid dak li jiġi elett bis-saħħa ta’ elezzjoni separata.

M’hemmx dubju li sentejn ilu, Adrian Delia intagħżel mit-tesserati. Madankollu dan ma jfissirx li jista’ jkompli jmexxi mingħajr ma jkollu l-fiduċja tal-membri tal-Kunsill Ġenerali, tal-Grupp Parlamentari u tal-Kumitat Eżekuttiv. Adrian Delia ma jistax jirrombla fuq il-membri ta’ dawn l-istrutturi li lkoll huma eletti.

Adrian Delia jeħtieġ li jistaqsi lilu nnifsu l-mistoqsija li ġejja: jekk il-Kunsill Ġenerali titneħħielu s-setgħa li jneħħi l-Kap, il-Kunsillera għalxiex qegħdin hemm? Dawn qegħdin hemm biss għaċ-ċapċip kull meta s-seduti tal-Kunsill jixxandru fuq it-televiżjoni?

U jekk il-Kunsill Ġenerali ser jikkonferma l-fiduċja lil Adrian Delia, dan għandu jimmira li jakkwista ħafna aktar minn maġġoranza sempliċi ta’ voti.

Għamlu paragun ma’ kif kienu ġabu ruħħom mexxejja preċedenti li kienu għaddejin minn kriżi. Fl-2012, Franco Debono kien astjena waqt vot parlamentari. Nemfasizza li kien “astjena”. Jiġifieri Debono ma vvutax mal-Oppożizzjoni iżda sfida lil Lawrence Gonzi biex jassumi r-responsabbiltà għal ċerti deċiżjonijiet li hu ma kienx qabel magħhom.

Kif kien ġab ruħu Lawrence Gonzi dakinhar? Kien ġab ruħu b’mod differenti ħafna minn kif ġab ruħu Adrian Delia.

Nibdew biex, ma ppermettiex lil persuni fi ħdan il-Partit li jżebilħu lil Franco Debono. Lili kienu ċanfruni talli dak iż-żmien kont tal-fehma li ġaladarba Franco Debono kien għażel li ma jivvutax mal-Partit, seta’ jinfetaħ attakk fuqu. Mingħajr ma semmejt lil Franco Debono, niftakar li fil-Facebook kont ktibt fis-sens li dan ma kienx rappreżentant veru tal-kostitwenti fid-distrett tiegħu. Ipparagunaw dan kollu mal-velenu li nkiteb fil-Facebook illum. Dak iż-żmien il-livelli ta’ mġieba kienu ħafna aktar għoljin. Il-PN kien ċanfarni apertament u kelli nibla’ kollox. Dak iż-żmien ma kontx ġurnalista iżda politiku tat-tielet klassi u din iċ-ċanfira kont ħassejtha sew.

Lawrence Gonzi kien irrikorra lejn il-membri tal-Kunsill Ġenerali: ffaċċja vot sigriet ta’ fiduċja u nsista li kellu jiġi mistieden jikkontestah kull min kien interessat li jagħmel dan. La Franco Debono u lanqas ħadd aktar ma kkontesta lil Lawrence Gonzi iżda l-membri tal-Kunsill Ġenerali xorta ingħataw l-opportunità li jivvutaw b’mod sigriet dwar it-tmexxija tiegħu.

Lawrence Gonzi kien iffissa mira: jekk kienu ser jappoġġjawh inqas minn 4 minn kull 5 Kunsilliera, kien bi ħsiebu jirriżenja xorta waħda.

Lill-Malta Independent on Sunday, Louis Galea qalilha li biex partit politiku jkollu s-suċċessi jeħtieġ li jkun hemm l-għaqda. Jeħtieġ li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Forsi kien messu żied igħid li kemm il-darba jkun hemm numru mdaqqas ta’ persuni li ma jkunux kuntenti bil-kwalità tal-ħabel li jkun għażel il-mexxej, dan għandu jdabbar rasu.

F’dik il-ġurnata partikolari fl-2012, Lawrence Gonzi dan fehmu. Fehem li kienet ir-responsabbiltà tiegħu bħala mexxej li jkun strument ta’ għaqda u mhux ta’ firda.

Araw x’kien qal Lawrence Gonzi f’għeluq id-diskors tiegħu tal-2012 li fih kien talab vot sigriet. Araw ftit b’liema dinjità, b’liema eleganza u b’liema kalma ffaċċja l-kriżi. Fi kliem ieħor, araw ftit xi tfisser tmexxija vera.

Ipparagunaw dan kollu mal-imġieba ta’ Adrian Delia meta dan ipprova jevita l-vot u ddikjara bil-quddiem li ma kienx bi ħsiebu jirrispetta r-riżultat għaliex igħodd biss dak li jgħidu t-tesserati.

Jiġifieri interessat biss f’dak li kienu ddeċidew maġġoranza żgħira ħafna ta’ tesserati f’Settembru tal-2017.

Mhux qed igħid li issa t-tesserati għandhom jiġu msejjħa biex jikkonfermawh. Mhux qed jitlobhom igħidulu jekk kienx reġa’ bdielhom dwaru għaliex it-tweġiba tagħhom diġà jaf x’inhi.

Il-Kunsilliera jeħtieġ li dan kollu jifhmuh sew. Huwa minnu li l-Istatut jagħti s-setgħa lit-tesserati f’dik li hi l-għażla tal-mexxej tal-partit. Dan jibqa’ minnu anki jekk, aktar tard dan ix-xahar, Adrian Delia jitlef il-vot ta’ fiduċja.

Vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia minn naħa tal-Kunsilliera ma’ jnaqqas xejn mis-setgħa tat-tesserati. Anzi, jekk iseħħ vot ta’ sfiduċja, t-tesserati jkunu qed jingħataw l-opportunità li jesprimu ruħħom permezz ta’ votazzjoni. Tistgħu tibqgħu ċerti li Adrian Delia lit-tesserati m’huwiex ser jagħtihom dan iċ-ċans.

Agħtu daqqa t’għajn lejn is-sondaġġ li xandret illum il-Malta Today dwar il-mod kif il-Maltin iħarsu lejn il-mexxejja tagħhom f’dik li hi fiduċja. Is-segwaċi ta’ Adrian Delia qegħdin dejjem jonqsu ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Mhux talli ma jista’ qatt jirbaħ iżda lanqas għandu ċans li jakkwista riżultat rispettabbli fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Is-sondaġġ dwar il-fiduċja f’Adrian Delia juri li aktar minn 60% ta’ dawk li vvutaw PN f’Ġunju 2017 (wieħed mill-agħar riżultati elettorali tal-PN f’dawn l-aħħar snin, kif ta’ sikwit kien iħobb ifakkar Adrian Delia) lil Adrian Delia ma jafdawħx.

Dan il-fatt il-membri tal-Kunsill Ġenerali jeħtieġ li ma jinjorawħx. Lanqas ma jistgħu jinjoraw il-fatt li din in-nuqqas ta’ fiduċja ċertament tirrifletti ruħħa wkoll fost it-tesserati. Għalhekk il-Kunsilliera huma fid-dmir li lit-tesserati jagħtuhom l-opportunità li jerġgħu jesprimu ruħħom.

U jeħtieġ li jerġgħu jesprimu fehmithom minn issa u mhux fi żmien sena oħra meta tintemm il-ħatra ta’ Louis Galea. Lanqas fi żmien sentejn oħra wara xi riżultat diżastruż ieħor f’elezzjoni ġenerali li jibqa’ jkompli jċekken lill-PN.

Fil-frattemp, tistgħu tibqgħu ċerti li Adrian Delia lill-Kunsilliera mhux ser igħidilhom li jkun jeħtieġ mill-inqas 80% ta’ voti favorevoli minn naħa tagħhom biex b’hekk juri bil-fatti li bi ħsiebu jkun strument ta’ għaqda. M’għandux għalfejn jiskanta li qed ikompli jidher f’dawl negattiv paragunat mal-mexxejja ta’ qablu.