Il-kelma ‘mibgħeda’ qed tintuża ta’ spiss. Meta nikkritika li xi ħadd, xi drabi niġi mixli li jien bniedem mimli bil-mibgħeda. Din ix-xilja s-soltu tasalli mingħand dawk li lill-politiċi mdorrijin jixgħalulhom ix-xemgħat quddiem ix-xbihat tagħhom u jadurawhom. Allura f’moħħ dawn in-nies, dawk li ma jinżlux għarkupptejhom biex jaduraw lill-politiċi, ta’ bilfors jobgħoduhom. Għalihom jew nejja jew maħruqa: ma tista’ qatt tkun misjura.
Iżda lil dawk li huma nażisti ma nistax b’xi mod niskużahom. Lin-nażisti ma nġerraħhomx. Jien nagħżel li la nikkritikahom jew nipprotesta kontra tagħhom u lanqas ma ngħaddihom biż-żmien jew inżeblaħhom. Ma nġerraħhomx għaliex f’soċjetà li tqis li hi waħda ċivilizzata, ma jista’ qatt ikun hemm spazju għal min jidhirlu li l-bnedmin m’humiex ugwali, li ċerta kategorija ta’ nies għandu jkollha drittijiet li ma jistgħux jitgawdew minn oħrajn u li m’hemm xejn ħażin li wieħed jiddiskrimina bejn bniedem u ieħor. Ħsibijiet bħal dawn iqabbdu t-triq fid-direzzjoni tal-kamp tal-konċentrament u m’għandu qatt ikun hemm kompromessi ma’ min iħaddan dan it-twemmin.
Il-bieraħ l-Arċisqof ma laqlaqx fi kliemu u qal ċar u tond li l-Knisja tiddisassoċja ruħħa minn mat-tifħir insensat li għamel lil Norman Lowell il-qassis Kattoliku Mosti David Muscat. L-Arċisqof ma qgħadx jogħmodha u sal-bieraħ wara nofsinhar għal ħabta tas-6.30 kien diġà xandar tweet. Jiġifieri l-Arċisqof tkellem madwar tliet siegħat biss wara li jien xandart l-istorja fuq din il-website.
Il-Knisja tiddisassoċja ruħħa minn mal-fehmiet ta’ Fr David Muscat. Dawk l-ideoloġiji li jiżirgħu l-mibgħeda u d-diskriminazzjoni minħabba r-razza jew il-kultura jmorru kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika. pic.twitter.com/UcwrNEYtrK
— Bishop CJ Scicluna (@BishopScicluna) 31 ta’ Lulju 2019
Iżda l-Arċisqof ma jistax jieqaf hawn. Tiskanta kif il-mibgħeda tista’ faċilment issib ruħħa timraħ f’knisja li hi msejsa fuq it-teoloġija tal-imħabba.
Mhux il-bogħod ħafna minn fejn joqgħod David Muscat, tal-Knisja tal-Mosta qed iħejju għall-festa ta’ Santa Marija li se tiġi ċelebrata ħmistax oħra.
Bosta huma dawk il-voluntiera li jinsabu mħabbtin bit-tiżjin tal-knisja u t-toroq tal-lokalità. Il-każini tal-banda qegħdin ukoll jonfqu l-flus li ġabru matul is-sena u qed jitħejja wkoll il-logħob tan-nar.
Wieħed minn dawn il-voluntiera huwa Leli Vella li fil-Facebook irringrazzja lil martu tal-paċenzja li ħadet bih tul sena sħiħa sakemm ħadem in-nar li ser jintuża għall-festa. U dan in-nar lest li jisparah ad unur u glorja ta’ Santa Marija.
Nistedinkom tagħtu daqqa t’għajn sewwa lejn ir-ritratt tan-nar maħdum.
Jaqaw dan mingħalih ried idaħħak? Jew ried jurina kemm hu gustuż?
In-nar maħdum il-għala żżejjen bl-arma tan-nażisti? Jaqaw hawn min jaħseb li n-nazisti tat-Tielet Reich huma b’mod kompatibbli ma’ dak li huwa meqjus bħala sagru?
Forsi hawn min ser igħid li din kienet biss ċajta goffa. U li dawk il-Mostin li jidilettaw bil-logħob tan-nar m’għandhom ebda nostalġija għall-qerda tal-Lhud, tal-Pollakki, taż-żingari u tal-omosesswali.
Ma nafx. Ma nistax ngħid. Iżda dawn imisshom jippruvaw jifhmu minn xiex kienu għaddew in-nanniet u l-bużnanniet tagħhom li fl-1942 kienu wkoll iċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.
Min jaf jekk dawn kinux jieħdu pjaċir jaraw l-arma tan-nażisti fuq nar li jkun inħadem f’ġieħ Santa Marija?