Il-ġuri f’New York ta’ Ali Sadr Hashemi Nejad dwar allegata frodi bankarja u dwar ksur ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran mistenni jibda’ f’Ottubru li ġej. Fl-istadju preżenti ta’ qabel jinbeda’ l-ġuri, tinsab għaddejja diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawża dwar jekk l-imħallef li nħatar biex jisma’ l-kawża, Andrew L Carter Jr, għandux jirrikuża ruħu mis-smigħ tal-kawża in vista tal-fatt li martu hi mpjegata ma’ JPMorgan. L-imħallef innifsu huwa wkoll sid ta’ ishma f’dan il-bank.

Hemm diskussjoni wkoll dwar jekk jeżistix kunflitt ta’ interess jekk l-avukati ta’ Ali Sadr, jiġifieri Steptoe & Johnson, jirrappreżentaw ukoll lil JPMorgan f’kawża separata. Il-kwistjoni tal-possibilità ta’ kunflitt għall-imħallef u għall-avukati tad-difiża qamet minħabba l-fatt li Ali Sadr jinsab mixli li ffroda lil “U.S. Bank-1” meta huwa naqas li jinforma lill-bank s-servizzi ta’ korrispondenza li kienu pprovdewlu kienu tħallsu bi flejjes li huwa kien qala’ minn proġett ta’ bini ta’ djar fil-Venezwela li kien seħħ bis-saħħa ta’ kumpannija Iranjana. Aktar tard matul il-proċeduri tal-Qorti, l-prosekuturi kkonfermaw li “U.S. Bank-1” m’hu ħadd ħlief JPMorgan.

Il-prosekuzzjoni qed issostni li JPMorgan x’aktarx li ma kienitx tipproċessa t-transazzjonijiet ta’ Ali Sadr li kieku dan tal-aħħar kien qalilhom il-flus minn fejn kienu ġejjin.

F’ittra li bgħatu lill-qorti, l-avukati ta’ Ali Sadr qalu li għadu m’huwiex ċar kif it-tħassib tal-gvern jista’ jkun rilevanti għall-każ tal-klijent tagħhom. Madankollu huwa ferm sinjifikanti l-fatt li l-gvern Amerikan wera’ t-tħassib tiegħu “dwar kemm tassew kienu ġew rispettati s-sanzjonijiet fejn jidħlu proċeduri li jirregolaw il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji ta’ klijenti u fejn tidħol l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti transazzjonijiet”. Dawn it-transazzjonijiet jidher li kienu seħħew matul żmien li fih Ali Sadr Hashemi Nejad kien għadu ma bediex jopera l-Pilatus Bank f’Malta. Madankollu, l-għoti ta’ liċenzja Maltija lil Ali Sadr biex dan seta’ jiftaħ bank Ewropew f’Malta ffinanzjat minn dak li l-prosekuturi Amerikani jsejjħu bħala “flejjes ġejjin mill-kriminalità” u l-protezzjoni li Ali Sadr kien ingħata mill-awtoritajiet Maltin, saħansitra anki wara l-arrest tiegħu fl-Istati Uniti, jikkonfermaw l-identifikazzjoni tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta mal-attivitajiet ta’ Ali Sadr.

Mid-dokumenti tal-qorti jirriżulta li l-gvern Amerikan jinsab imħasseb dwar dawk il-banek li jipprovdu servizzi ta’ korrispondent lil istituzzjonijiet immexxijin minn persuni bħal Ali Sadr jew f’pajjiżi bħal Malta fejn persuni bħal Ali Sadr jingħataw liċenzja biex joperaw mingħajr wisq taħbit u dan bi ksur tas-sanzjonijiet u ta’ proċeduri oħra. Bank korrispondent huwa dak li jipprovdi servizzi lil banek oħrajn f’dawk li huma t-tħaffif ta’ trasferimenti ta’ flejjes b’mod elettroniku u t-tmexxija ta’ transazzjonijiet bankarji kif ukoll f’dik li hi aċċettazzjoni ta’ depożiti u ġbir ta’ dokumenti.

Biex ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi lil individwi u negozji lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżhom, banek żgħar jiddependu ħafna mis-servizzi ta’ dawn il-banek korrispondenti. Minn Diċembru ta’ din is-sena l-Bank of Valletta, wieħed miż-żewġ banek prinċipali Maltin, ser jitlef is-servizzi tal-ING Bank bħala bank korrispondent  għar-raġuni li dan il-bank iqis lill-BoV bħala “riskju”. Joseph Muscat kien qal li dan kien seħħ minħabba s-suċċess tal-BoV. Iċ-Chief Executive Officer tal-BoV espriema l-fiduċja li jinstab bank ieħor korrispondent. Jekk ma jinstabx bank korrispondent ieħor hekk kif tal-ING Bank idabbru rashom għal kollox, il-BoV ma jkunx jista’ jaħdem bid-Dollaru Amerikan u ser ikollu jiffaċċja riperkussjonijiet kbar mhux biss fil-konfront tan-negozju tiegħu iżda wkoll fil-konfront tal-vijabilità tal-attività finanzjarja internazzjonali ta’ Malta.

Hemm ukoll raġuni oħra għall-pressjoni kollha li qed issir fuq il-banek Maltin. U din hi li r-regolaturi u l-aġenziji tal-infurzar internazzjonali, partikolarment dawk Amerikani, lill-banek Maltin qed jarawhom bħala riskju potenzjali minħabba l-mod kif Malta għattiet xtur Ali Sadr Hashemi Nejad. Lanqas ma għenet ir-relazzjoni fil-qrib li Ali Sadr għandu ma’ min għandu s-setgħa f’Malta: niftakru li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għamel użu mis-servizzi bankarji ta’ Ali Sadr u l-Prim Ministru kien wieħed mill-mistednin għat-tieġ ta’ Ali Sadr li seħħ f’Firenze fl-2015.