Inħossni tassew kburi li Caroline Muscat intgħażlet biex tkun fost dawk li llejla f’Berlin ser jikkompetu għall-premju dwar l-indipendenza fil-ġurnaliżmu mniedi minn Reporters Without Borders.
Il-kburija li qed inħoss hi l-istess kburija li nħoss kull meta xi atleta Malti jirbaħ xi medalja jew – ikolli nammetti – kull meta kantant Malti jmur tajjeb fil-Eurovision.
Din hi ħaġa naturali iżda fil-ħajja demokratika li qed ngħixu f’dawn iż-żminijiet bosta huma dawk li jew ma jagħtu ebda importanza lill-ġurnaliżmu jew inkella huma ostili għalih.
Dan in-nazzjon ingrat imissu jrodd ħajr lil Caroline Muscat għaliex, bis-saħħa tagħha, l-immaġni ta’ Malta tista’ wkoll tlellex f’għajnejn id-dinja. Għaliex Malta m’hix magħrufa biss għall-bużullieqa politiċi u għall-viżitaturi tal-briedel, jew għal dawk li jaħslu l-flus maħmuġin jew li jixtru l-passaporti, jew għal dawk li jiksru s-sanzjonijiet jew li jinnegozjaw iż-żejt bil-kuntrabandu, jew għal pulizija korrotti u għas-sajd bil-moħbi.
Malta hi magħrufa wkoll għall-ġurnalisti brillanti tagħha. Isem Daphne Caruana Galizia issemma’ minn Meryl Streep b’rabta mal-film komiku li ħadet sehem fih u li fih ħadmet bħala vittma tal-Panama Papers iżda fil-kuntest aktar serju ta’ storja li, għax ixxandret, ġurnalista kellha tinqatel.
Daphne ġiet rikonoxxuta u ġiet ippremjati mad-dinja kollha. Meta kienet għadha mimlija bil-għomor, Politico kienet semmietha bħala waħda mill-Ewropej l-aktar influwenti. Din l-influwenza setgħet titkejjel bl-ammont ta’ premjijiet u rikonoxximenti li hi qalgħet wara mewtha.
Matthew Caruana Galizia kien wieħed minn fost grupp ta’ ġurnalisti li rebaħ Pulitzer Prize. Mhux ċajta li jkollok il-ħila tirbaħ dan il-premju.
U issa Caroline Muscat ġiet nominata għall-premju RSF għall-indipendenza fil-ġurnaliżmu għal din is-sena. Dan il-premju m’huwiex simili għar-rebħ tal-Oscar. Iżda huwa rikonoxximent li l-ħidma ta’ ġurnalista poġġietha fl-istess livell ta’ ġurnalisti minn madwar id-dinja li huma magħrufa li huma biss qaddejja tal-verità u tas-sewwa.
S’issa l-istitut tal-ġurnalisti Maltin jidher li għadu ma tniffisx u ma ħareġ ebda stqarrija biex jifraħ lil Caroline Muscat għal dak li rnexxielha tikseb. Il-verità hi li l-kisba tagħha hi kisba għall-ġurnalisti Maltin, speċjalment għal dawk li jwettqu xogħol ġurnalistiku indipendenti u ġenwin. Id-dinja tinsab b’għajnejha fuqna grazzi għall-ħidma ta’ Caroline Muscat u, sakemm tibqa’ b’għajnejha fuqna, nistgħu inħossu ftit aktar sigurtà.
Nifraħlek Caroline.