Fil-konferenza stampa li għamel il-bieraħ, Adrian Delia għamel kritika valida ħafna fil-konfront tal-iskużi li qed iġib il-gvern dwar l-iskandlu tal-isptarijiet. L-istampa xandret rapporti estensivi dwar dak li qal u l-informazzjoni li ħarġet kienet waħda pertinenti u ta’ ħsara għall-gvern. Is-suġġett tal-konferenza stampa kien mill-aktar rilevanti.
U minkejja dan kollu, dalgħodu ħadd m’hu qed jitkellem dwar il-mod kif il-gvern ħataf tliet sptarijiet pubbliċi minn taħt ħalq il-poplu u għaddihom f’idejn ċorma ħallelin.
Dalgħodu kulħadd qed jitkellem dwar Adrian Delia. Iċ-ċansijiet li dan qatt jista’ jilħaq prim ministru u li jipprova jsewwi dak li qed jilmenta dwaru lanqas biss jeżistu. Żewġ terzi ta’ dawk li kienu vvutaw lill-partit tiegħu fl-elezzjoni li għaddiet (li diġa’ hi minoranza megħluba) m’għandhomx fiduċja fih u ma jafdawħx.
Xi wħud minn dawn saħansitra jgħidu li jkunu lesti li jafdaw lill-mexxej tal-partit oppost aktar mill-mexxej tal-partit tagħhom.
Tista’ tgħid li bħalissa tal-Labour qed igħaddu lill-PN b’madwar 80,000 vot u d-differenza fin-numru tal-voti bejn il-partiti kompliet tikber minn dakinhar li Adrian Delia ħa f’idejh ir-riedni tal-partit.
Jekk issir elezzjoni llum, il-maġġoranza ta’ 7 siġġijiet li jgawdu tal-Labour taf tiżdied għal 16 il-siġġu. F’din l-eventwalità l-gvern ma jkollux għalfejn jibqa’ jinjora l-Kostituzzjoni: il-gvern ikun jista’ jimsaħ saqajh fiha. U s-siġġu parlamentari ta’ numru kbir ta’ deputati Nazzjonalisti, li jidhru li moħħhom biss biex jaraw kif ser iżommu posthom, jittieħed minn kandidati Laburisti. Il-Parlament b’hekk jimtela’ b’partitarji tal-gvern.
Dan ma jkunx biss diżastru għall-PN. Ikun ukoll diżastru għad-demokrazija.
Is-sondaġġ tal-Malta Today hu l-ewwel wieħed li tnieda kemm ilu li ħa l-ħatra Robert Abela u jidher li qed igawdi minn novità tas-sitwazzjoni bil-partit tiegħu jgawdi wkoll minn żieda fl-appoġġ li saħansitra jiżboq r-riżultati tajbin li kien iġib ta’ qablu. Tiftakruhom is-sondaġġi li kienu ttieħdu ftit wara li leħaq kap tal-PN Adrian Delia? Kellu riżultati diżastrużi. U baqgħu diżastrużi sal-lum.
Il-PN issa qed jistenna b’ħerqa l-wasla tal-programm ta’ riformi ta’ Louis Galea, liema riformi mwiegħda kienu salvaw il-ġilda politika ta’ Adrian Delia wara li kien ittieħed il-vot ta’ fiduċja s-sena li għaddiet. Fil-frattemp, il-fergħat tal-partit qed igħarblu r-riformi li ġew suġġeriti mid-deputat Claudio Grech li wieħed jista’ jqishom bħala żiffa ta’ arja friska.
Iżda huwa fatt li ebda riforma ma tista’ qatt issewwi n-nuqqas ta’ grazzja li l-votant għandu ma’ Adrian Delia. Għalkemm dawk li huma qrib tiegħu jadurawh, il-biċċa l-kbira tan-nies xejn ma jarawh ħelu.
Privatament Adrian Delia diġà ammetta li m’għandux ċans li jkampa u li jeħtieġ li jagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor. Iżda din l-ammissjoni bdiet ġlieda patetika u awto-distruttiva bejn dawk ta’ madwaru li jafu sew li għad għandhom miżura ta’ influwenza fil-partit għaliex it-tmexxija m’għandhiex il-ħila li ddabbrilhom rashom ‘il barra. Jifhmu li politikament jistgħu biss iżommu fil-wiċċ jekk flok it-tmexxija preżenti tidħol oħra bla ħila daqsha.
Qed jerġa’ jsir l-iżball li kien sar meta lil Adrian Delia kienu ġabuh minn barra u pinġewh bħallikieku kien xi messija u hemm min diġà qed jidentifika l-“uċuħ ġodda” u nies minn barra l-partit biex jidħlu għat-tmexxija tal-PN .
Nies bħal Joe Giglio m’għandhom ebda esperjenza fil-politika. Huwa tassew inkredibbli kif, fl-isfond tad-diżastru li ġab miegħu Adrian Delia, hemm uħud li għadhom igħixu bit-tama li jista’ jkun hemm persuna, li ħadd ma jkun jaf x’issarraf, li tidħol dritt minn barra l-partit biex tmexxih. Dawn qieshom dik il-persuna li tkun maħkuma mill-vizzju tal-logħob u, minkejja li tibqa’ titlef, tibqa’ tilgħab ġidha sakemm tibqa’ dieħla f’ħajt li tfarrakha.
Għalkemm kandidat li ħadd ma jkun jaf x’isarraf jista’ jkollu xi vantaġġi, dawn ma jistgħux idumu wisq. Kandidat bħal dan ma jkollux għalfejn jagħmel kompromessi, jinnegozja jew jipperswadi lil ħaddieħor li jkun qed jopera fil-qasam politiku. Ma jkollu qatt l-opportunità li jirfes il-kallijiet, li jwarrab lil ħaddieħor jew li jgħid “le”.
Kif urietna l-esperjenza ta’ Adrian Delia, għall-bidu kandidat bħal dan jaf jattira l-voti tan-nies.
Adrian Delia kien ġie minn barra l-partit u n-nies setgħu biss jiġġudikawh fuq ilbiesu, fuq kif kien jidher fuq it-televiżjoni u fuq il-kelma faċli tiegħu. Ħadd ma kellu ċ-ċans li jgħarbel il-mod kif jaħdem, il-ħila li għandu li jikkontrolla r-rabja, dwar jekk jixrobx iżżejjed, dwar kif iġib ruħu ma’ martu u wliedu u ma’ sħabu fuq il-post tax-xogħol, dwar l-imġieba li għandu fil-konfront tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, dwar kemm hu bieżel, dwar kemm moħħu jilħaqlu, dwar kemm huwa ħanin, dwar kemm hu lejali u dwar kemm hu ffokat fi ħsibijietu. Dawn il-kunsiderazzjonijiet in-nies għamluhom biss wara li kien diġà leħaq bħala kap tal-PN u mhux qabel ma ngħata r-riedni.
U għaliex baqa’ ma ġiex mgħarbel sewwa, il-biċċa l-kbira tal-votanti spiċċaw biex ma fdawh qatt.
Fil-frattemp, dawk ta’ madwaru li hu jiddependi fuqhom biex ikun jista’ jibqa’ jimraħ fl-arena politika, qed iżommu posthom minkejja l-fatt li m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa.
Għaldaqstant ħadd m’hu jiskanta li dawn qed jerġgħu jilgħabu l-istess logħba li tant serviethom fl-imgħoddi. Logħba li permezz tagħha tiġi mbuttata biex tmexxi lill-PN persuna minn barra li għandha dehra aċċettabbli, li titkellem tajjeb u li qatt ma rifset il-kallijiet ta’ ħadd. Din il-persuna mbagħad tkun dipendenti fuq dawk ta’ madwarha li jkunu tellgħuha li jibqgħu f’posthom sakemm il-bastiment jispiċċa biex jegħreq.
Il-funzjoni ewlenija ta’ partit bħalma hu l-PN hi dik li tirbaħ l-elezzjonijiet biex tkun tista’ tiggverna l-pajjiż fuq is-sisien ta’ missjoni politika u ta’ programm elettorali. Bil-għan li jiżguraw li politikament jibqgħu jimirħu fil-wiċċ, dawk ta’ madwar Adrian Delia qed jagħtu priorità lill-pożizzjoni personali tagħhom fuq din il-missjoni u qed jassiguraw li tal-Labour jibqgħu l-uniku partit vijabbli biex jifforma gvern.
Lid-demokrazija tagħna, dawn qed jibdluha f’eġemonjia ta’ partit wieħed.