Il-kummissarju dwar l-istandards fil-ħajja pubblika qara’ l-uniku messaġġ li kien intiż mid-ditta legali Chetcuti Cauchi u Julia Farrugia u l-gvern li hi tifforma parti minnu: “aħna ta’ ġewwa”.
Minnhom nnifshom, il-filmati li nkwadraw lil dik li dak iż-żmien kienet segretarju parlamentari fl-uffiċċju tal-prim ministru responsabbli għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti hi u tirreklama s-servizzi ta’ ditta legali privata, kienu tali li jġiegħluk tiddardar. Dawn il-filmati tefgħu dawl fuq ir-relazzjoni xejn xierqa li hemm bejn gvern li suppost huwa tagħna lkoll u s-sidien ta’ ditta legali privata.
Il-filmati attiraw l-attenzjoni pubblika minħabba filmati oħrajn li fihom kienu mdaħħlin ta’ Chetcuti Cauchi. Kien inġibed filmat bis-saħħa ta’ kamera moħbija ta’ stazzjon tat-televiżjoni investigattiv Franċiż u li fih il-kap ta’ din id-ditta legali Jean-Philippe Chetcuti kien wassal l-istess messaġġ: “aħna ta’ ġewwa”. Qal li Joseph Muscat kien miegħu l-iskola u li Julia Farrugia hi ħaġa waħda ma’ martu. U li Owen Bonnici kien jaħdem mad-ditta legali tiegħu.
X’aktarx li provi bħal dawn George Hyzler ma kienx jeħtieġhom. Huwa kkonkluda li Julia Farrugia kienet ġabet ruħħa b’mod mhux xieraq u li kienet qabżet il-limiti tal-prudenza. Huwa wera’ d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li meta dawn il-filmati kienu ġew kritikati għall-ewwel darba, Julia Farrugia ħalliethom hemm u dawn kienu tneħħew biss hekk kif l-kummissarju beda’ l-investigazzjoni tiegħu. Madankollu, huwa kkonkluda wkoll dan li kien biss “nuqqas ta’ għaqal” minn naħa ta’ Julia Farrugia.
B’mod diplomatiku, l-kummissarju ġibed konklużjoni li għalkemm jista’ jkun il-każ li Julia Farrugia ma gawdietx personalment minn dawn ir-riklami, ta’ baħnana li hi, ħalliet lil min jużaha. Lil ta’ Chetcuti Cauchi erħitilhom li jisfruttaw l-influwenza li kellhom fuqha sal-punt li — kif ġie stabilit mill-investigazzjoni — ġiegħluha tagħmlilhom reklam saħansitra mill-Berġa ta’ Kastilja.
Minn din l-investigazzjoni ħarġu żewġ konklużjonijiet.
L-ewwel waħda hi diretta lejn l-inkjesta li tinsab għaddejja dwar l-imġieba ta’ Jean-Philippe Chetcuti. Din l-inkjesta kienet intalbet minn Repubblika li kienet ġibdet l-attenzjoni li l-filmat li fih Jean-Philippe Chetcuti jinstema’ jgħid li martu hi ħaġa waħda ta’ Julia Farrugia ma kienitx biss xi pretensjoni. Kien reat kriminali li fih Chetcuti pprova japprofitta ruħu minn influwenza mhux xierqa. L-inkjesta li hemm għaddejja għandha tieħu nota tal-fatt li l-influwenza li Jean-Philippe Chetcuti għandu fuq Julia Farrugia m’hix waħda immaġinarja. Kellu influwenza biżżejjed fuqha biex, b’mod xejn xieraq, ġiegħelha tirreklamalu s-servizzi tad-ditta legali tiegħu mill-uffiċċju tal-prim ministru.
It-tieni konklużjoni hi li – fl-aħjar ipotesi – Julia Farrugia wriet nuqqas ta’ għaqal u li ġabet ruħħa b’mod xejn xieraq meta ħalliet lir-raġel ta’ seħbitha Jean-Philippe Chetcuti u d-ditta legali tiegħu japprofittaw ruħħom minn fuq dahar l-uffiċċju tagħha.
Dalgħodu Repubblika lil Julia Farrugia għamlitilha sejħa biex twarrab. Iżda hi wieġbet li “l-fatt li l-filmati/reklami kienu tneħħew huwa rimedju minn nnifsu”.
Dan ma kien rimedju xejn. Il-fatt li l-filmati/riklami kienu tneħħew huwa prova li ma kienux messhom tħallew jinġibdu u jinħadmu u juri li Julia Farrugia ġabet ruħħa b’mod mhux xieraq. Juri wkoll li kien hemm eżerċizzju ta’ influwenza xejn xierqa minn interessi privati fuq ministru tal-gvern.
Li kieku għandha farka diċenza, Julia Farrugia għandha twarrab illum stess.