Hi u tirribatti s-sejħiet li sarulha biex twarrab, Julia Farrugia stqarret li qatt ma kellha l-intenzjoni li tagħti xi vantaġġ lid-ditta legali Chetcuti Cauchi meta xi xhur ilu kienet tat “intervista” dwar l-iskema tal-passaporti. Dik l-“intervista” segwejniha f’riklam imħejji minn ta’ Chetcuti Cauchi u din tħalliet hemm saħansitra anki fiż-żmien meta sid id-ditta Jean-Philippe Chetcuti kien inqabad igħid f’filmat miġbud minn kamera moħbija li kull m’għandu jagħmel hu li jehmeż lil Julia Farrugia biex jirranġa għall-ħruġ ta’ passaporti għall-kriminali.
Jista’ jkun li lil Julia Farrugia jeħtieġ li ntuha xi ftit tal-ħjiel dwar kif tkun intervista.
Meta wieħed imur quddiem kamera u jirrepeti kliem miftiehem minn qabel li jkun studja bl-amment, dik m’hix intervista. Dak riklam.
Intervista hi waħda bħal dik li Julia Farrugia kienet tat lil M6 u li f’nofsha, wara li għamlulha xi mistoqsijiet iebsin, bla kliem u bla sliem qabdet u telqet ‘il barra hekk kif ħasset ruħħa taħt pressjoni.
Fil-fatt, ma tkunx qed tiġi intervistat jekk, bħala ministru tal-gvern, titħalla tħossok komdu waqt li jkun qed jinġibed filmat. Dan ikun ifisser li jew ikunu qed jinċensawk, li jfisser li int tinsab fuq TVM jew Super 1, jew inkella tkun qed tintuża biex tagħmel riklam bħallikieku qed taħdem mad-ditta legali Chetcuti Cauchi anki fiż-żmien li fih tkun qed isservi bħala ministru tal-gvern.
Julia Farrugia qed tgħid li m’għamlet xejn ħażin anki jekk il-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi stqarr bil-maqlub. U issa għażlet li tigdeb dwar riklam li ma kellha qatt tidher fih u tgħid li dan kien biss intervista (bħal dik li kienet ħarbet nofs triq minnha) meta din ma kienet intervista xejn.
Julia Farrugia qed turi d-disprezz tagħha lejn il-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi li għadu kemm qalilha bil-kontra ta’ dak li stqarret li għamlet fuq il-Facebook b’reazzjoni għar-rapport tiegħu. Meta għamlet l-hekk imsejjħa “intervista”, żbaljat u għandu jkollha d-diċenza li dan taċċettah u twarrab.
Julia Farrugia rrikorriet għall-Facebook biex lis-segwaċi tagħha tgħidilhom li dawk il-mingħulin ta’ Repubblika għamlulha sejħa biex twarrab. Hekk sewwa! Ta’ Repubblika qed jiġu kritikati talli l-imġieba ta’ Julia Farrugia ġie dikjarat li kienet nieqsa mill-etika bażika.
Għaliex gidba minn qaddejja nkompetenti tal-partit tinżel għasel mal-partitarji.