Stqarrija minn Repubblika

X’inhi r-raġuni li l-Prim Ministru qed iżomm is-skiet, qed jibqa’ ċass u m’għamel xejn dwar l-iskandlu dwar l-għoti ta’ art pubblika f’Pembroke lil tad-DB Group? Repubblika mhux ser tħalli lil Robert Abela jfarfar mir-responsabbiltà tiegħu għal din il-korruzzjoni maħmuġa.

Aħna bi ħsiebna nibqgħu ninsistu li din l-art hi tal-poplu Malti u għandha tingħata lura lill-poplu Malti. Din l-art hi ta’ kulħadd.

Aħna ninsistu li għanda titnieda inkjesta pubblika sabiex toħroġ il-verità kollha u biex ma nibqgħux naraw lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi jippruvaw iwaħħlu f’xulxin. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jgħid ċar u tond li t-trasferiment tal-art ma sarx skont il-liġi.

Robert Abela jeħtieġ li jiddeċiedi: jew li jkompli jegħreq fil-ħama li kienu ħolqu dawk ta’ qablu jew inkella li jaqdi dmiru. Jekk jipprova juża l-epidemija tal-coronavirus bħala skuża f’attentat biex jipprova jnessina u jġiegħelna noqgħodu lura milli nitolbu li jintradd lura dak li hu tagħna bi dritt, ikun qed jinsulta lill-poplu Malti.

Robert Abela jew ser jagħżel li jkun ħaġa waħda mal-ħmieġ u l-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u ta’ Konrad Mizzi, jew inkella ser jagħżel li jagħmel id-dmir tiegħu u jnaddaf il-ħmieġ kollu li nħoloq. Robert Abela ma jistax juża l-marda tal-coronavirus biex jiknes dan il-ħmieġ taħt it-tapit. Il-korruzzjoni hi wkoll marda li teqred il-fibra morali tal-pajjiż u tmarrad lill-ekonomija.

Il-Parlament u l-Gvern ma jistgħux jibqgħu siekta dwar dan l-iskandlu. U l-Pulizija ma jistgħux jibqgħu juru indifferenza. L-art pubblika ma tistax titħalla f’idejn dawk li ħatfuha llegalment.