B’dak li kiteb il-bieraħ, Vincent De Gaetano laqat il-musmar fuq rasu.

Il-kitba tiegħu kienet b’reazzjoni għall-qtil ta’ Miriam Pace – vittma li ser tindifen illum – li nqatlet wara li sfat mirduma f’darha stess wara li ġġarraf il-bini kollu li jinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni. Il-kliem ‘traġiku’ u ‘inċident’ m’humiex kliem f’lokhom u qed jiġu wżati minn min qed jirrifjuta li jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li seħħ.  M’humiex sempliċement imwiet dawk li jseħħu meta jmut xi ħadd li jkun ħa ruħu b’idejh fil-ħabs, meta ġurnalista tinqatel permezz ta’ karrozza-bomba jew meta jseħħu inċidenti fatali tat-traffiku fl-istess post li jħallu ħafna vittmi. Dawn ilkoll huma kawżati mill-fallimenti u nuqqasijiet tal-istat fid-dmir tiegħu li jħares ħajjet iċ-ċittadini tiegħu.

L-istat m’huwiex infallibbli u ma nistgħux nippretendu li għandu jkun infallibbli. Iżda huwa mistenni li l-istat għandu jitgħallem minn dawn il-fallimenti u nuqqasijiet. U t-tagħlima dwar tħammil perikoluż u tkissir ta’ bini, l-istat kien messu ħadha wara li tul is-snin seħħew diversi inċidenti ta’ din in-natura. Il-Prim Ministru Robert Abela m’għandux id-disprezz li kellu ta’ qablu għall-opinjoni pubblika u, b’kuntrast ma’ Joseph Muscat, għad għandu xi ftit tas-suddizzjoni li ġġiegħlu jkun obbligat – għallinqas fid-deher – li jagħmel xi ħaġa biex isib tarf tan-nuqqasijiet tal-istat.

Iżda m’huwiex biżżejjed li tipprova tidher li qed tieħu xi azzjoni. Robert Abela ddeċieda li għandha ssir “riforma” fir-regolamenti dwar is-sigurtà meta jsir tħammil ta’ art. U ġaladarba ordna li ssir “riforma”, sinjal li huwa jħoss li din ir-riforma hi meħtieġa. Wara dak kollu li seħħ nhar it-Tnejn, wieħed ma jistax ma jaqbilx miegħu. Iva, riforma hi tabilħaqq meħtieġa għaliex meta l-gvern ta’ qablu kien talab lil Robert Musumeci biex ifassal ir-regolamenti, kien qabbad bniedem li jidher li għandu idea żbaljata dwar x’inhu r-rwol proprju tal-istat. Skont Robert Musumeci, l-istat m’għandux iżomm ir-rwol tiegħu ta’ regolatur.

Issa l-klijenti ta’ Robert Musumeci m’humiex fost dawk li s-soltu jispiċċaw vittmi ta’ traġedji bħal dawn, liema vittmi l-istat għandu jkun minn ta’ quddiem biex iħarsilhom ħajjithom. Il-klijenti tiegħu huma dawk li għandhom ħobżhom maħbuż u li għandhom bwiethom imfawwrin bil-liri. Dan il-fatt ġie illustrat b’mod ċar fil-mod kif tfasslu r-regolamenti wara li kien seħħ l-“inċident traġiku” li kien għoddu wassal biex seħħew l-imwiet.

X’kien ir-riżultat? Ir-riżultat kien “inċident traġiku”.

Issa dan Robert Musumeci għal ftit ma jippretendix li l-poplu għandu jkun grat lejh. Iżda jidher li Robert Abela ċertament m’huwiex grat għax lil Robert Musumeci lanqas biss ikkunsidrah biex jaħtru fuq bord ta’ persuni maħtura bil-għan li jitfasslu regolamenti ġodda. Madankollu Robert Abela stqarr li ma jaqbilx li għandhom jitwaqqfu temporanjament it-tħammil ta’ artijiet u t-tkissir tal-bini. Sa dakinhar li jitfasslu r-regolamenti – u din hi ħaġa li ser tieħu ż-żmien – it-tħammil u t-tkissir ser ikomplu minn għada stess u dan wara d-deċiżjoni spontanja li ttieħdet li xogħol bħal dan għandu jitwaqqaf għal ġurnata waħda.

Sa dakinhar li jitfasslu r-regolament l-ġodda, ħadd m’hu ser iħares lil dawk li sal-lum għadhom igħixu fil-biża’ minħabba tħammil u tkissir li qed isiru bieb ma’ bieb magħhom. Sa dakinhar, ser jibqgħu fis-seħħ regolamenti li Robert Abela għadu kemm ikkundannahom għaliex huma ta’ periklu għal ħajjet in-nies. Huwa fatt tassew ironiku li l-unika azjoni simbolika ta’ waqfa ta’ jum wieħed fuq tħammil u tkissir ta’ bini kellha tittieħed mill-għaqda tal-iżviluppaturi u dan sakemm isir il-funeral tas-Sinjura Pace.

Din kienet l-unika inizjattiva – għalkemm qasira ħafna fit-tul tagħha – li ttieħdet biex tħares ħajjet in-nies. Ġurnata waħda biss. Għax hekk iddeċidew l-iżviluppaturi privati.

L-istat lanqas biss ħasibha biex jieħu inizjattiva bħal din b’riżq it-tħaris ta’ ħajjet iċ-ċittadini tiegħu.