Sentejn ilu Tim Sebastian kien intervista lil Chris Fearne li matulha kien għamel minn kollox biex jiċħad li l-gvern tiegħu kien mgħarraq fil-korruzzjoni u li kien naqas fid-dmir tiegħu li jara li l-kritiċi tiegħu ma jispiċċawx trietaq permezz ta’ xi karrozza-bomba.

Minn dakinhar tal-intervista ‘l hawn, seħħew ħafna żviluppi. Joseph Muscat m’għadux prim ministru wara li warrab skreditat. Iżda l-fatt li huwa politiku skreditat m’huwiex rikonoxxut f’pajjiżu. Fil-fatt, Joseph Muscat għadu kemm ingħata ħatra mill-gvern ta’ Robert Abela biex jinnegozja ftehim ma’ negozjant Svizzeru tal-opri tal-arti li m’huwiex ġdid għall-iskandli u dan biex joħloq struttura hawn Malta li f’għajnejn id-dinja għandha fuqha d-dell ta’ suspetti ta’ ħasil ta’ flus. Ħaddiema li kien jaħdmu fl-uffiċċju tal-prim ministru fi żmien Joseph Muscat, issa qed jaħdmu taħt Robert Abela u dawn xehdu wieħed wara l-ieħor fl-inkjesta pubblika li, kemm ilha li ġiet assassinata Daphne, dawn qatt ma kienu tkellmu dwarha. Tkellmu biss dwar il-futbol.

Iżda għall-udjenzi li jgħixu barra minn Malta, permezz tal-użu ta’ lsien li l-partitarji tagħhom jidhru li qajla jifhmuh – jiġifieri l-Ingliż – il-gvern ta’ Robert Abela qed jimbotta ‘l quddiem il-wiċċ penitenti, sogħbien u kważi mbikkem ta’   Evarist Bartolo.

Lil Varist bgħatuh biex iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet ta’ Tim Sebastian dwar id-dehra ta’ Malta llum, issa li ġġarrfu l-iskużi kollha li kien ġab Chris Fearne sentejn ilu u li kienet minnha l-konklużjoni li kien ġibed li l-gvern ta’ Malta m’huwa xejn ħlief bejta ta’ ħallelin u ta’ qattiela.

Agħtu daqqa t’għajn lejn l-intervista għaliex bis-saħħa tagħha tkunu tistgħu ssegwu ġurnalist espert jistaqsi l-mistoqsijiet li ministri tal-gvern ilhom sentejn jaħarbu minnhom, sakemm xi ħadd qata’ qalbu u minflok xeħet bajda fuq Owen Bonnici.

Tista’ tgħid li l-qofol intlaħaq mat-tweġiba għal waħda mill-ewwel mistoqsijiet li saru minn Tim Sebastian.

Lill-gvern ta’ Joseph Muscat, Tim Sebastian sejjaħlu bħala “gvern korrott sa ruħ ommu” u wieħed li kien “mgħarraq fil-korruzzjoni”. Evarist Bartolo segwih ilissen dawn il-kelmiet u bħal donnu kien bejn ħalltejn dwar x’kellu jwieġeb. B’kuntrast ma’ Chris Fearne sentejn ilu, Evarist Bartolo m’għamel ebda attentat biex imeri lill-intervistatur tiegħu u fil-fatt ammetta indirettament li – iva – huwa kien parti minn gvern korrott sa ruħ ommu u mgħarraq fil-korruzzjoni.

Evarist Bartolo irrikonoxxa li kien messu warrab minn ministru fl-2016 meta kienu nkixfu l-Panama Papers u dakinhar li Joseph Muscat naqas li jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Kien qisu raġel anzjan fuq is-sodda tal-mewt hu u juri l-indiema tiegħu talli, meta kien għadu żagħżugħ, kien naqas li jiżżewweġ lit-tfajla tiegħu qabel mar jiġġieled fil-gwerra u li, meta rritorna lura mill-front tal-gwerra, sab li kienet iżżewġet lill-ħabib tiegħu.

Għaddew 4 snin mill-2016. Evarist Bartolo meta kien beda’ jħoss l-indiema li ma kienx warrab dakinhar li kienu nkixfu l-Panama Papers? U din l-indiema meta kienet intemmet? Ta’ bilfors kienet intemmet għaliex sal-lum għadu fil-kariga ministerjali tiegħu.

Meta Tim Sebastian staqsa lil Evarist Bartolo jekk jidhirlux kiex mistħoqq il-“premju” OCCRP għall-2019 li ngħata Joseph Muscat bħala l-aktar bniedem korrott – “premju” li fl-imgħoddi ingħata lil Duterte tal-Filippini u lil Aliyev tal-Ażerbajġan – huwa ma weġibx li Joseph Muscat ma kienx jistħoqqlu dan il-“premju”, li jfisser li hu jaqbel li kien mistħoqq.

X’inhu jagħmel hemm jitkellem f’isem gvern li qed ikompli jagħti l-ħatriet lil Joseph Muscat?

Meta Tim Sebastian staqsa lil Evarist Bartolo biex jispjega kif jippretendi li huwa bniedem ta’ prinċipju meta huwa kien wieħed minn dawk li kompla jagħmel parti minn gvern tant korrott, huwa wieġeb bi spjegazzjoni soċjoloġika li tenkapsula l-marda li qed tifni lil Malta. ‘Aħna żgħar’, wieġbu Varist.

“Is-saltna tal-familja u s-saltna tal-ħbieb huma aktar qawwijin mis-saltna tad-dritt,” wieġeb Evarist Bartolo. Tim Sebastian deher ixxukkjat u qallu “bħala bniedem fil-gvern, sitwazzjoni bħal din kif qatt tista’ taċċettaha?” Evarist Bartolo jitbissem f’attentat biex igħatti l-mistħija tiegħu. Huwa jirrikonoxxi li, bħala politiku, kien fid-dmir li jħares lis-saltna tad-dritt u jammetti li naqas li jagħmel dan.

Varist jaħdem fi ħdan gvern li jkompli jħaddem persuni bħal Robert Musumeci li kien għajjarna mġienen talli konna għidna li s-saltna tad-dritt tfisser li Joseph Muscat ma jistax jagħmel dak li jfettillu.

Biex jiddefendi ruħu, Evarist Bartolo stqarr li “internament” kien għamel pressjoni biex tittieħed azzjoni kontra Konrad Mizzi “u kontra oħrajn”. Iżda lil Tim Sebastian, skuża bħal din xejn ma mpressjonatu u kien pront ifakkar lil Varist li hu kien ivvota fil-Parlament favur Konrad Mizzi meta kienet ġiet diskussa mozzjoni ta’ sfiduċja. Iżda b’nofs qalb, Evarist Bartolo wieġeb li “l-vot tiegħu ma’ kienx ser jagħmel differenza.” Tim Sebastian, minn naħa tiegħu, insista miegħu li “jekk ikollok il-prinċipji, jkun jeħtieġ li twettaqhom bil-fatti. U int mhux hekk għamilt.”

Kien hawn li Evarist Bartolo ċeda l-armi u wieġeb hekk: “Naqbel miegħek”.

L-intervista kompliet dwar il-ġrajjiet li seħħew f’Novembru 2019 meta kien ġie arrestat Yorgen Fenech u meta bdew il-protesti ta’ eluf ta’ nies fit-toroq. Evarist Bartolo taptap taptipa fuq dahru stess u jgħid li “internament” lil Joseph Muscat kien wissieħ li kien bi ħsiebu jwarrab dment li l-prim ministru jibqa’ ma jwarrabx.

Dan il-kliem lil Tim Sebastian ma jimpressjonah xejn. “Il-fatti juru li s-skiet tiegħek ta’ dak iż-żmien għamlek kompliċi.” U għal darb’oħra, Evarist Bartolo jċedi l-armi. “Ippruvajt nagħti s-sehem tiegħi. Nammetti li m’għamiltx sforzi biżżejjed.”

U għadu sal-lum nieqes mill-isforzi. Dan ħareġ min-natura tal-mistoqsijiet li għamel Tim Sebastian dwar il-gvern preżenti li f’ismu Evarist Bartolo tkellem bħala ministru tal-affarijiet barranin. Il-ġurnalist jibqa’ jagħfas u jistaqsi lill-ministru għaliex il-Prim Ministru Malti baqa’ jagħżel lill-imħallfin u l-maġistrati ġaladarba l-Kummissjoni ta’ Venezja ilha minn Diċembru 2018 li stqarret li din is-sistema jeħtieġ li tinbidel.

Varist ifakkar f’xi ħaġa li kien stqarr sieħbu Owen Bonnici madwar sena ilu u jispjega li “bdejna nagħmlu t-tibdiliet”. “Eh, mela bdejtu bit-tibdiliet, hux hekk?” fil-pront wieġbu l-ġurnalist.

Tim Sebastian fakkar lil Evarist Bartolo li ma kienetx l-ewwel darba li hu ħareġ bi skuża bħal din: f’Mejju 2016, Evarist Bartolo kien ħabbar il-bidu ta’ “riformi” fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. U araw ftit fejn ninsabu issa.

Il-ġurnalist jistaqsi lill-ministru x’kienet ir-raġuni li baqa’ fil-kariga fl-2016 u li, ġaladarba tant jistmerr il-korruzzjoni, baqa’ ma ħadhiex kontra sħabu. “Ħadtha kontra sħabi internament,” wieġeb Evarist Bartolo. “B’din l-istrateġija biss stajt nibqa’ fil-wiċċ politikament.”

“Strateġija” sejjħilha. Jien insejjħila ġjufija. Min jaf x’kien jiġri f’dan il-pajjiż li kieku l-istrateġija li għażlet Daphne Caruana Galizia kellha tkun dik li żżomm fil-wiċċ akkost ta’ kollox?

Tim Sebastian imbagħad jikxef id-dgħjufija tal-argumenti ta’ Varist. Skont Evarist Bartolo, huwa kien ikkundanna “internament” u b’mod sigriet il-korruzzjoni u l-ksur tas-saltna tad-dritt. Iżda fil-beraħ kien stqarr li l-gvern jinsab miexi fuq it-triq it-tajba tant li kkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Dan ifisser li, qisu mhux hu, Evarist Bartolo għandu l-ħabta li jilbes aktar minn maskra waħda. Ma jsibhiex bi tqila li jiċħad u jgħatti l-korruzzjoni fil-partit tiegħu bħallikieku kollox kien ward u żahar. Kif nistgħu nserrħu moħħna li m’għadux qed jiżfen din iż-żifna? Fil-fatt, b’mod raġunat nistgħu niġbdu l-konklużjoni li tabilħaqq qed jigdeb dwar dak li tassew jaf.

Tim Sebastian igħidlu “int taf aktar milli qed tammetti li taf. Taf bil-ħmieġ kollu. Jaqaw qed tibża’ għal ġildek?”

U Evarist Bartolo jwieġeb: “Le. Jien tkellimt u esprimejt il-pożizzjoni tiegħi.”

U l-ġurnalist igħidlu: “Mhux minnu li tkellimt. Dort dawra mal-lewża. Għalaqt għajnejk u tajt il-kenn lill-qattiela. Dan hu li proprju qed jiġri. Min qed jagħti l-kenn lill-qattiela f’Malta?”

Evarist Bartolo: “Il-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia jinsabu għaddejjin proċess fil-qorti.”

Tim Sebastian: “Int taf ferm aktar minn hekk. Kont int stess li stqarrejt li l-qattiela qed jingħataw il-kenn.Min qed jagħtihom il-kenn?”

Evarist Bartolo: “Ma nistax inwieġbek għal din il-mistoqsija.”

Tim Sebastian: “Għala? Lill-Pulizija kellimthom dwar dak li taf?”

Evarist Bartolo: “Qed nagħmel id-dmir tiegħi.”

Tim Sebastian: “Ma nafx xi trid tfisser b’dan. Int kont wieħed minn dawk li tajt l-appoġġ tiegħek lil bniedem korrott u żammejtu fis-setgħa.”

Evarist Bartolo: “Jien se nkun ġudikat fuq dak li ser iseħħ. L-istorja għadha ma ntemmitx u għad fadal x’jinkixef”.

Tim Sebastian: “Hawn int qed tammetti li l-konġura li ppjanat l-assassinju tagħha s’issa għadha ma nkixfitx.”

Evarist Bartolo:  “Dak hu li ser jiġri.”

F’din il-konversazzjoni Evarist Bartolo ma jiċħadx li għadna ma nafux il-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’stadju minnhom tal-intervista, Tim Sebastian qara’ bran minn dak li kienet kitbet Daphne dwar Evarist Bartolo bħallikieku kien qed jaqra’ l-kummenti ta’ Daphne dwar l-intervista li kien qed jagħmel.

“Li kieku Evarist Bartolo kien onest u għandu xi ftit tad-diċenza, taħsbu li kien jissaporti jibqa’ fil-Partit Laburista sa mis-snin sebgħin? U żgur li le. Kienu bosta dawk li huma onesti u li għandhom xi ftit tad-diċenza li telqu mill-partit meta raw dak li kien qed iseħħ’. Ma jidhrilekx li hawn kellha raġun?,” Tim Sebastian jistaqsi lil Varist b’ton retoriku.

Ikompli jikkwota dak li kienet kitbet Daphne u jgħid li Evarist Bartolo – bil-prinċipju kollha li jgħid li għandu – hu u jirkeb “il-karru għatxan għall-poter ta’ Joseph Muscat”, għamel il-kompromessi mal-kuxjenza dwar il-korruzzjoni.

U Varist, bil-frosta f’idu jagħti fuq dahru, wieġeb li “bil-mod ċkejken tiegħi, għamilt dak li stajt biex nipprova nbiddel l-affarijiet.”

Araw ftit kemm kien ċkejken l-eżempju ta’ Varist paragunat mal-kuraġġ u mas-sagrifiċċju ta’ Daphne Caruana Galizia.