L-Imħallef Edwina Grima il-bieraħ ċaħdet ir-rikors li għamlu Alfred u George Degiorgio biex jingħataw libertà provisorja sakemm tintemm il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-aħwa Degiorgio kienu ġew arrestati flimkien ma’ Vincent Muscat fil-bidu ta’ Diċembru 2017, madwar 6 ġimgħat wara l-assassinju tal-ġurnalista fis-16 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena. Ilhom maqfulin minn dakinhar.

Fis-sentenza li tat il-bieraħ, il-Qorti wriet nuqqas ta’ qbil mal-argumenti li ġab l-avukat difensur tal-aħwa Degiorgio  William Cuschieri li stqarr li hu possibbli li l-pulizija issa tefgħet għajnejha fuq persuni oħra b’rabta mal-assassinju u li dawn għadhom ma ġewx arrestati.

Id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli xehed billi qal li l-aħwa Degiorgio jistgħu jitlibbsu brazzuletta elettronika ma’ għarqubhom li permezz tagħha li pulizija tkun tista’ ssegwi l-passi tagħhom waqt li jkunu bil-libertà provisorja.

Din ix-xhieda kienet waħda mhux tas-soltu għaliex il-liġi Maltija ma tipprovdix għall-electronic tagging ta’ persuni suspettati li jkunu bil-libertà proviżorja waqt li jkunu qed jistennew li jgħaddu ġuri. In fatti, għalkemm persuni li jkunu suspettati jinżammu Kordin, dawk li jkunu qed jistennew li jgħaddu ġuri jaqgħu direttament taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti u mhux dik tad-Direttur tal-Ħabs.

X’kienet ir-raġuni li Alex Dalli ħass li kellu jintervjeni f’każ tant sensittiv bħal dan ġaladarba l-arrestati ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu? Huwa intervjena billi xehed li “ħa inizjattiva personali f’proġett pilota” dwar l-iskema tat-tagging.

Fil-Qorti l-bieraħ, id-Direttur tal-Ħabs qal li sa fejn huwa magħruf dawk il-priġunijeri li bbenefikaw mill-electronic tagging “qatt ma abbużaw mis-sistema”.