Il-kuntrattur il-ġdid għat-tindif tal-isptar Mediclean JV, li għadu kemm daħal flok Servizzi Malta biex imexxi mijiet ta’ ħaddiema li qed inaddfu l-isptarijiet pubbliċi ta’ Malta, qed jirrifjuta li jawtorizza l-għoti ta’ vacation leave għall-ħaddiema tiegħu jekk dawn ma jsibux min jidħol flokhom sakemm ikunu neqsin mill post tax-xogħol.
Fil-prattika dan ifisser li l-ħaddiema, l-aktar dawk barranin li huma l-biċċa l-kbira minnhom, ma jkunux jistgħu isiefru biex iżuru lill-familji tagħhom.
Numru kbir ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-Mediclean JV ilmentaw miegħi li mhux qed jitħallew igawdu d-drittijiet tagħhom fejn jidħol il-vacation leave. Jiena kelli l-opportunità li nara b’għajnejja kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-ħaddiema li jnaddfu l-isptarijiet, liema kuntratt ma jippermettix il-ħlas tal-vacation leave jakkumula minn sena għal oħra.
Min dak li qalli kelliem għad-dipartiment governattiv dwar ir-relazzjonijiet industrijali jirriżulta li, fejn għandu x’jaqsam il-vacation leave, sta għas-sid li jsib sostitut u mhux għall-ħaddiem. Qabel jingħata l-vacation leave, jeħtieġ li jkun hemm l-approvazzjoni tas-sid u jekk is-sid jibqa’ jagħżel li ma jagħtix vacation leave, ħaddiem jista’ jitlob l-intervent tad-dipartiment.
X’aktarx li intervent bħal dan aktar faċli li jseħħ lejn tmiem is-sena meta jsir aktar diffiċli għall-ħaddiema li jagħmlu użu mill-ħlas tal-vacation leave.
Marvic Mifsud Taylor, Direttur dwar ir-Riżorsi Umani tal-Ozo Group li hi s-sid tal-Mediclean JV, ikkonfermat li l-ħaddiema m’humiex jingħataw vacation leave jekk huma stess ma jsibux lil min jissostitwihom. “Il-joint venture bdiex xahrejn ilu biss u huwa inevitabbli li għall-bidu jkun hemm id-diffikultajiet.”
Ta’ min jgħid, madankollu, dawn li l-ħaddiema kienu jaħdmu mal-kuntrattur li ġie sostitwit Servizzi Malta. Mediclean kienet rebħet il-kuntratt f’kompetizzjoni ma’ Servizzi Malta wara battalja legali fid-dipartiment tal-offerti pubbliċi u fil-qorti.
Ir-regolamenti dwar it-trasferiment tan-negozju jeżiġu li kuntratturi ġodda huma obbligati li jħaddmu lill-ħaddiema tal-kuntratturi ta’ qabilhom bl-istess kundizzjonijiet li kellhom.
Marvic Mifsud Taylor assiguratni li “l-vacation leave se jingħata lill-ħaddiema kollha li huma ntitolati għalih”.