L-Ombudsman intalab mill-produtturi lokali tal-films sabiex jinvestiga lill-Kummissarju dwar il-Films Johann Grech u dan erba’ ġimgħat wara li xxandru rapporti fl-istampa li huwa kien ħassar l-ismijiet tal-biċċa ‘l kbira tagħhom minn fuq lista uffiċjali ta’ produtturi lokali tal-films li l-Kummissjoni soltu tgħaddi lill-produtturi tal-films barranin meta dawn jiġu Malta biex iħaddmu lin-nies.
Minkejja l-provi li xxandru minn The Shift News, “Johann Grech baqa’ fil-kariga u ma nbdiet ebda investigazzjoni. Dan ma jistax ħlief ifisser li l-impunità qiegħda u baqgħet tirrenja”.
Il-produtturi lokali tal-films li huma msieħba fil-Malta Producers Association (MPA) iltaqgħu mal-Ministru responsabbli Julia Farrugia li, skont huma, “qablet li l-affarijiet ma kienux saru kif suppost u li, in vista tal-kariga li għandu, Johann Grech ikun jeħtieġ li jiġi sospiż sakemm tintemm investigazzjoni”. Madankollu “ma seħħ xejn partikolari”.
L-Assoċjazzjoni nnotat li kienet tqabbdet kumpannija tal-awdituri biex tniedi operational review tal-Kummissjoni dwar il-Films iżda tal-MPA qalu li dan l-eżerċizzju “ma jammontax għal investigazzjoni dwar l-operat ta’ bniedem li bidel il-Kummissjoni dwar il-Films f’imperu personali tiegħu li jaħdem b’riżq il-ftit u li jċaħħad l-opportunitajiet għall-bqija”.
Johann Grech kien impjegat mal-Partit Laburista u għal xi żmien ħadem fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat. Huwa ħadem għal Robert Abela fl-elezzjoni li saret f’Jannar li għadda għal mexxej tal-partit.