Mela issa pinġew is-sitwazzjoni kif xtaqu jpinġuha: jiġifieri li m’hemm ebda qbil bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-pajjiż għandux jingħalaq jew le biex tiġi kontrollata l-epidemija tal-coronavirus.

Taħsbu li f’dan iż-żmien ta’ kriżi, battibekki politiċi bħal dawn għandna x’irriduhom?

Il-kap tal-oppożizzjoni m’għandu ebda ħtija f’dan kollu. Il-membri tal-oppożizzjoni ilhom żmien twil jitolbu lill-gvern biex jinkludihom fil-kumitat li qed jieħu ħsieb din il-kriżi. L-għajnuna li tista’ tagħti l-oppożizzjoni lill-esperti ċertament hi limitata. Iżda l-preżenza tagħha madwar il-mejda setgħet tibgħat lill-poplu messaġġ ta’ għaqda u l-gvern kien messu għamel sforz biex –  għallinqas f’dawn iċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu – jinkludi lill-oppożizzjoni.

Iżda l-gvern kellu ħsibijiet oħra u għażel li juża din l-agħar kriżi fil-qasam tas-saħħa fl-istorja ta’ Malta indipendenti biex jagħmel il-propaganda rħisa.

Edward Scicluna deherlu li okkażjoni bħal din kienet opportunità biex joqgħod ifaħħar il-politika ekonomika tiegħu ta’ dawn l-aħħar seba’ snin: għal ftit ma qalilniex li kien bassar dak li kien ġej għal fuqna u li kien qed jistenna li tfeġġ il-marda tal-coronavirus biex imbagħad joqgħod jiftaħar dwar kemm kien bravu l-ministeru tiegħu. Huwa għadda wkoll biex iwiddibna biex ma noqgħodux ingorru fuq il-korruzzjoni, fuq il-ħasil tal-flus u fuq il-bejgħ tal-passaporti għaliex, li kieku ma kienx hawn il-korruzzjoni, bħalissa qed immutu fit-toroq.

Minn naħa tiegħu, Silvio Schembri dendel ilsienu ‘l barra biex jilgħaq u stqarr li tgħidx kemm aħna xxurtjati li għandna lil Robert Abela biex imexxina.

U xi ngħidu għal Brian Hansford? Minn fost il-ġurnalisti skjerati, lil dan stajna nisimgħuh u narawh għarrkubbtejh jilgħaq il-warrani tal-prim ministru.

Tmexxija bil-għaqal ma tfissirx dagħdiha ta’ tifħir li m’hi xejn ħlief mod kif wieħed jipprova jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ tmexxija għaqlija. Ġaladarba l-prim ministru jidhirlu li jeħtieġ lil ta’ madwaru biex joqgħodu jinċensawh u jilgħaquh kuljum fuq il-mezzi tax-xandir b’mod tant tal-mistħija, ma nistgħux ma nikkonkludux li l-prim ministru dan l-inċensar kollu ma jistax igħaddi mingħajru.

M’huma konvinċenti xejn ir-raġunijiet li llum ġab Robert Abela talli naqas li jagħlaq lill-pajjiż. Kieku ried seta’ ta aktar minn raġuni valida waħda u għamel sforz biex dawn ir-raġunijiet jipprova jiftakarhom. Huwa minnu li l-prim ministru huwa beżgħan fil-firxa tal-paniku. Il-virus jista’ jibqa’ magħna għal aktar minn ftit ġranet. Qed nirreferi hawn għal kwistjoni ta’ xhur u snin. Inizjalment it-twettiq ta’ miżuri iebsa għandhom mnejn jidhru li huma meħtieġa. Iżda jekk in-nies tintebaħ li effettivament l-gvern qed iġiegħelha tinqafel f’darha għal żmien indefinit mingħajr m’għandu f’idejh dawk il-provi xjentifiċi li jiġġustifikaw deċiżjoni bħal din, jista’ jagħti l-każ li n-nies tibda’ tinjora ordnijiet leġittimi li jistgħu jinħarġu mill-gvern fi stadju ulterjuri.

Illum il-prim ministru żbalja meta qal li l-għeluq tal-pajjiż bħala prekawzjoni m’hix il-mira ewlenija tiegħu għaliex b’hekk wera’ li l-priorità tiegħu mhix it-tħaris tas-saħħa tal-poplu iżda t-tħaris tiegħu nnifsu mill-konsegwenzi politiċi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet iebsin li m’humiex popolari iżda li huma meħtieġa. Jekk qiegħed jirraġuna f’moħħu b’dan il-mod – u minn kliemu hekk qed jidher li qed jagħmel – ftit jista’ jkollna fiduċja li, fl-interess pubbliku, huwa lest li jieħu l-miżuri li jkun hemm bżonn.

Ġaladarba l-prim ministru qed iħoss il-ħtieġa tal-inċensar u tat-tifħir pubbliku li ngħata minn Edward Scicluna, Silvio Schembri u Brian Hansford, x’aktarx li mhux ser ikun dispost li jieħu li miżuri meħtieġa li jistgħu jipprovokaw il-garr tan-nies.

U bis-saħħa tal-imġieba tiegħu, il-prim ministru daħħal lilu nnifsu fi sqaq meta lill-oppożizzjoni eskludiha minn mal-mejda li madwarha jittieħdu d-deċiżjonijiet. Lill-oppożizzjoni issa taha l-opportunità biex toħroġ bis-suġġerimenti tagħha u biex tantiċipa l-miżuri li, fir-rigward ta’ wħud minnhom, diġà qegħdin tard.

Kien biss wara li t-tobba talbuh bil-ħniena li l-prim ministru ordna s-sospensjoni ta’ titjiriet mill-Italja. Kien biss wara li l-iskejjel indipendenti ħadu l-inizjattiva u għalqu l-iskejjel tagħhom minn jeddhom li ddeċieda li jagħlaq l-iskejjel. Kien biss wara li sidien talbu lill-ħaddiema tagħhom jibqgħu d-dar li ħareġ ordni biex kemm jista’ jkun ma jsirx taħlit soċjali. U kien biss wara li l-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa talbu miżuri aktar iebsin li ordna li ssir kworantina obbligatorja.

Issa ilu żmien twil jirreaġixxi għall-avvenimenti u jitpinġa bħallikieku l-avvenimenti kien qed jinfluwenzahom hu.

U issa li ġiet eskluża totalment minn mal-mejda tad-deċiżjonijiet, l-oppożizzjoni ħarġet bil-proposti alternattivi tagħha bil-għan li tiġi kontrollata l-epidemija.

Ċertament, Robert Abela ma jridx jara l-oppożizzjoni tieħu inizjattivi bi proposti għall-poplu Malti dwar kif għandna ngħelbu din il-kriżi fil-qasam tas-saħħa pubblika. U għaliex il-prim ministru m’huwiex ċert minnu nnifsu, x’aktarx li l-pariri tal-oppożizzjoni ser jarmihom il-baħar. Mhux għaliex dawn il-pariri m’humiex tajbin jew mhumiex validi, iżda għaliex dawn inzertat ħarġet bihom l-oppożizzjoni.

U huwa appuntu f’dan l-istadju li fih jidher vojt l-inċensar tal-prim ministru waqt il-konferenzi stampa tal-gvern li, permezz tagħhom, bħal donnu qed jipprova jagħmel tajjeb għal xi nuqqas.

U huwa proprju meta naslu f’sitwazzjoni bħal din li nibdew niddubitaw jekk il-miżuri li ġew ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa sarux fl-interess tas-saħħa pubblika jew inkella sarux fl-interess tal-popolarità tal-partit fil-gvern. Robert Abela għandu l-ħila li jqiegħed l-interessi tas-saħħa tal-poplu qabel kull interess partiġġjan ieħor?

Mhux bi ħsiebni nidħol fil-mertu dwar jekk l-għeluq tal-pajjiż huwiex meħtieġ jew le jew jekk dan l-għeluq huwiex ser ikun meħtieġ aktar tard. B’kuntrast ma’ Brian Hansford, jien m’għandix biżżejjed tagħrif tekniku dwar il-kwistjoni biex noqgħod nimponi l-fehmiet tiegħi fuq ħaddieħor. U b’kuntrast mal-prim ministru, jien m’għandix biżibilju ta’ esperti madwari biex ifornuni bil-pariri tagħhom.

Din hu r-raġuni l-għala jien bqajt lura milli nipprova noħroġ bil-proposti tiegħi u serraħt fuq l-istruzzjonijiet li ħareġ il-gvern. Iżda dan ma jfissirx li għandi nagħlaq għajnejja għall-fatt li dawn l-istruzzjonijiet iżżejnu mill-istess gvern bi propaganda rħisa. Bħallikieku biex nibilgħu l-mistura jeħtieġ li jkollna lil min ifakkarna dwar il-kobor u l-għerf tal-politika ekonomika ta’ Joseph Muscat, dwar it-tmexxija ispirata ta’ Robert Abela, dwar is-soċjaliżmu l-ġdid tagħhom u dwar il-monopolju li dawn għandhom fuq il-verità u fuq l-għerf.