Meta wieħed jistqarr li t-trumbettier tal-Brigata Laburista Silvio Schembri – li mid-dehra huwa żagħżugħ li f’ħajjtu qatt ma daq l-imrar li taf toffri l-ħajja – jinsab liebes żarbun li qajla jiġieħ, ma jkunx qed jiskopri l-Amerika.

Li ma konniex nafu huwa li Silvio Schembri huwa wkoll bigotta u razzist, liema kwalifiki jkomplu jikkonfermaw il-karattru skifuż li għandu.

“Il-barranin għal barra!” werżaq id-dittatur ċkejken tagħna. Dan huwa l-istess bniedem li, sa ħmistax ilu, ddikjara mad-dinja li Malta hi l-blockchain island. Issa erħilha li d-dinja ċivilizzata ma qablet xejn ma dak li ddikjara.

Silvio Schembri tkellem bħallikieku l-effett ekonomiku tal-epidemija tal-coronavirus se tkun l-aħħar problema li ser ikollu jiffaċċja sakemm idum fil-ħajja pubblika. Ma ntebaħx dan l-imbierek li, wara li tkun għaddiet din il-burraxka, ser ikollu jkompli jirreklama lil Malta bħala post attraenti għall-investiment? Ma jafx dan li hu u l-gvern tiegħu ser ikollhom ikomplu jirreklamaw lil Malta bħala pajjiż li wieħed jista’ jgħix fih b’rasu mistrieħa?

Id-diskors populista li lissen Silvio Schembri fis-sens li “l-ewwel trid tieħu ħsieb lil dawk ta’ ġewwa” u li “l-barranin li jaħdmu bil-permess tax-xogħol li jispiċċaw qiegħda jeħtieġ idabbru rashom mill-pajjiż”, għall-bidu jista’ jinstema’ bħala diskors loġiku. Iżda huwa diskors li huwa mmirat lejn dawk fost is-segwaċi tiegħu li ma jaħsbux b’moħħhom u lejn dawk li, għalkemm ma jappoġġjawħx, ibatu mill-paranoja minħabba l-inkwiet li hawn bħalissa b’rabta mal-firxa tal-mard.

Silvio Schembri għandu jaħsibha sewwa qabel joqgħod ipeċlaq.

Nibdew biex, wara li tgħaddi din il-ġimgħa, mhux ser ikun possibbli li wieħed isiefer minn Malta.

Iżda fil-ġimgħat li ġejjin x’aktarx li t-tkeċċijiet ta’ ħaddiema mil-lantijiet tax-xogħol ser jissuktaw kemm il-darba l-gvern – minflok igħin lin-negozji jqumu fuq saqajhom billi jsostnihom bir-riżorsi li huma meħtieġa biex ma ssirx ħsara lill-ekonomija sakemm tgħaddi l-kriżi – jibqa’ jġib ruħu bħal dak li jehda jaħżen ġidu anki fi żmien meta taħt l-ilma. Jaqaw il-gvern qed jistenna lill-ħaddiema jaqbżu lkoll fil-baħar jekk minn nhar is-Sibt li ġej jekk, hekk kif jingħalaq l-ajruport, jispiċċaw bla mpjieg?

It-tieni, Silvio Schembri huwa lest li, lil dawn in-nies li jrid jibgħat lura lejn pajjiżhom, jirrifondilhom it-taxxi u l-bolol tas-sigurtà nazzjonali li kienu ħallsu sakemm damu jaħdmu hawn?

It-tielet, Silvio Schembri se jażżarda jilmenta kemm il-darba l-Maltin kollha li jaħdmu fil-pajjiżi kollha ta’ madwar id-dinja jintbagħtu lura Malta bi tpattija?

Dawn huma ftit biss mir-reazzjonijiet għal-loġika perversa ta’ Silvio Schembri li jiġu minn min – bħalu – mingħalih li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-univers. M’hemmx għalfejn li wieħed ikun għaref ħafna biex jintebaħ li m’għandhom isiru ebda tkeċċijiet mill-pajjiż fi żmien ta’ epidemija dinjija mhux biss għaliex azzjoni bħal din tagħmel ħsara lid-dehra tal-pajjiż mad-dinja, iżda wkoll għaliex lil dawn in-nies ikollna nfornuhom bit-trasport biex jitilqu. Barra minn dan, dawn in-nies jkunu diġa ħallsu biex jibqgħu f’Malta u, waqt li aħna nkunu nfaqna l-flus li ħallsu, ma jkollniex għalfejn niskantaw jekk id-dinja mbagħad iġġib ruħħa magħna bl-istess mod li aħna nkunu ġibna ruħna maċ-ċittadini tagħha.

X’inhu l-qofol tal-kwistjoni? Minħabba s-sitwazzjoni straordinarja li qegħdin ngħixu fiha, ma tantx għandi eżempji ma xiex nista’ nqabbel. Xi jumejn ilu, segwejt id-diskors lin-nazzjon tal-President Franċiż Emanuel Macron. Diskors li matulu rripeta l-frażi li ‘ninsabu fl-eqqel ta’ gwerra’. Forsi nistgħu nagħmlu paragun mal-ġrajjiet tat-Tieni Gwerra Dinjija – ċertament mhux f’termini ta’ mwiet – iżda fis-sens li l-poplu jeħtieġ jimpenja ruħu biex jifhem li ninsabu lkoll f’baħar wieħed u li biex nirbħu din il-gwerra jeħtieġ li nkunu magħqudin u solidali ma’ xulxin.

Silvio Schembri wera’ li ma fehemx li din it-taqbida jeħtieġ li nagħmluha flimkien. Moħħu ma jilħaqlux biżżejjed biex dan ikun jista’ jifhmu. Jidher li ma ntebaħx li, biex nirbħu din il-gwerra, ma nistgħux inkomplu nqaċċtu mir-riżorsi diġà limitati li għandna.

Dan Silvio donnu diġà għamilha fatta li ser jintilfu l-postijiet tax-xogħol. F’pajjiżi oħra, gvernijiet impenjaw ruħħom biex jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lin-negozji sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitlef ħobżu sakemm tgħaddi din il-burraxka. Din mhix “karità” Sur Silvio Schembri! Jekk in-negozji jitħallew jitkissru, jispiċċaw jiex jgħalqu u l-ħaddiema mħarrġa tagħhom ikollhom jitilqu minn Malta bir-riżultat li ekonomikament pajjiżna jkollu jdum ħafna aktar biex jirpilja.

Il-gvern m’għandux joqgħod iħabbel rasu dwar kif ser isib tarf tal-qgħad kbir li jista’ hawn, iżda għandu jiffoka fuq il-mod kif jista’ jevita t-tkeċċijiet tal-ħaddiema.

Silvio Schembri għadu mhuwiex jintebaħ li, biex tingħeleb din il-kriżi, jeħtieġ li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi kollha li jista’ jkollu. Per eżempju,  “barrani” li jinsab qiegħed għax ikun tkeċċa mill-impjieg ma’ kumpannija tat-trasport tat-turisti, jista’ jkun ta’ għajnuna siewja meta jibdew isiru d-distribuzzjonijiet ta’ ikel u mediċini madwar il-pajjiż. Ċertament ser ikun hemm min ikun maqful f’daru u li jkun jeħtieġ l-għajnuna. Possibbli li m’għandniex il-ħila nagħmlu użu għaqli mir-riżori kollha li għandu l-pajjiż biex ngħelbu din l-akbar kriżi mill-aħħar gwerra ‘l hawn?

Barra minn dan, b’diskorsu Silvio Schembri qed ixewwex li min m’għandux grazzja mal-barranin. Il-Maltin m’għandhom xejn differenti mill-barranin u min jargumenta mod ieħor ikun qed jirrepeti propaganda Nażista. Se jkun Silvio Schembri li, biex jidher ħelu ma’ dawk il-kostitwenti tiegħu li huma bigotti, jiddeċidi hu min fostna huwa Malti pur u li għandu ma jitkeċċiex?

X’bi ħsiebhom jagħmli l-bigotti meta jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ marti?

Lil dawk l-eluf ta’ care workers li jieħdu ħsieb b’tant għożża lill-anzjani tagħna f’darhom, dawn il-bigotti li tant jammiraw il-faxxiżmu ta’ Silvio Schembri x’bi ħsiebhom igħidulhom?

X’ser igħidulhom lil dawk l-investituri li kienu ħajjruhom biex jonfqu flushom u jinvestu f’Malta u li ħolqu negozji li issa jinsabu għaddejjin minn diffikultajiet?

B’liema mod bi ħsiebna nibnu u nsaħħu r-rabtiet ġodda ta’ solidarjetà soċjali hekk kif nibdew naraw is-servizzi pubbliċi jaħdmu taħt pressjoni kbira? Lil dawn ħutna li bdew ħajjithom fis-Serbja u fil-Filippini iżda li ddeċidew li jiġu fostna biex ikunu ta’ għajnuna u wens għall-anzjani u għal dawk li huma vulnerabbli kif nistgħu qatt nippretendu s-solidarjetà tagħhom kemm il-darba nuruhom li aħna lesti li neħilsu minnhom u nibgħatuhom fl-eżilju?

Kif qatt nistgħu ikunu ta wens għal xulxin bħala komuntà fl-istess waqt li l-mexxejja politiċi tagħna jaraw kif jagħmlu biex jifirduna?

Il-mexxejja politiċi tagħna mhux ser ikollhom il-ħila li jsibu tarf l-għawġ kollu li ninsabu għaddejjin minnu dment li dawn ikunu neqsin mis-solidarjetà umana. Dawk li kollha li jbatu bi problemi ta’ saħħa għandhom ċans akbar li jintlaqtu bil-marda tal-coronavirus.

U dawk il-pajjiżi li huma mmexxijin minn bigotti inkompetenti u bla qalb għandhom l-akbar ċans li jegħrqu taħt il-mewġ ekonomiku li marda bħal din taf iġġib magħha.