Sinċerament kont qed nittama li jkun hemm xi ħadd li jiċħad l-istorja li xxandret il-bieraħ fil-MaltaToday li kixfet li l-gvern ikollu jħallas multa ta’ €100 miljun kemm il-darba jiddeċiedi li jħassar il-kuntratt li sar ma’ Steward, tkun xi tkun ir-raġuni, saħansitra anki jekk jirriżulta li Steward ikollhom it-tort.
Dan il-kuntratt ftit jagħmel sens għaliex, jiġri x’jiġri, l-mazz jinsab dejjem f’idejn Steward. Dment li l-istorja li xxandret fil-MaltaToday hi minnha, jekk illum ta’ Steward Health Care jiddeċiedu li jwaqqfu ħesrem is-servizzi mediċi, dawn ikunu ntitolati li jitħallsu bonus ta’ €100 miljun biex jitqaċċtu ‘l barra. Anki paragunat mal-livelli korrotti u maħmuġin ta’ żmien Konrad Mizzi fil-gvern bi sħab ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat, l-iffirmar ta’ kuntratt bħal dan ma kien xejn ħlief ġenn.
Xandru d-dettalji tal-kuntratt, jekk jogħġobkom. L-istorja li xandar Matthew Vella fil-MaltaToday hi storja importanti ħafna u titfa’ dawl fuq kwistjoni li sal-lum għadha m’hi ċara xejn.
Madankollu l-istorja li xxandret isservi l-interessi politiċi tal-gvern, jew għallinqas isservi l-interessi ta’ wħud fil-gvern li jridu lill-poplu jifhem għaliex ta’ Steward għadhom ma tkeċċewx ‘il barra. Chris Fearne, li – kif inhu mistħoqq – qed igawdi minn reputazzjoni għolja, l-aktar meta din tiġi paragunata ma’ dik ta’ prim ministru li qed iħawwad u m’huwiex jara aktar ‘il bogħod mill-ponta ta’ mnieħru, jridna nifhmu l-għala ma jistax jaqbad u jqalfat lil ta’ Steward ‘il barra. Fl-istess waqt, jaf li ma jistax jikxef il-verità għaliex jibża’ li fil-Partit jibdew iqisuh bħala traditur. Din hi r-raġuni l-għala qed ningħataw biss xi ħjiel ‘l hemm u ‘l hawn u bil-qatra l-qatra.
Kif jafu l-qarrejja ta’ dan il-blog, jien qatt ma nwieġeb lil dawk li jogħġobhom jitfgħuli l-botti dwar il-kuntratt tal-2010 dwar il-karrozzi tal-linja li kien sar mal-Arriva. Fil-kampanja elettorali ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013 min kellu intenzjonijiet partiġġjani u malinni kien xerred stejjer li kienu foloz. U peress li dan il-blog m’għandux interessi partiġġjani jew akkademiċi, dejjem għażilt li ma nikkummentax dwar dik il-kwistjoni.
Madankollu jeżisti paragun importanti li huwa rilevanti għall-kwistjoni dwar l-isptarijiet. U din la hi kwistjoni partiġġjana u lanqas waħda akkademika. Hi kwistjoni dwar l-infieq ta’ flus il-poplu għall-benefiċċju tal-poplu. Kwistjoni li qed nitkellmu dwarha llum u mhux fil-2010.
Jekk ir-riforma li kienet saret fl-2010 fit-trasport pubbliku ma’ kellha kważi xejn tajjeb, ċertament kien hemm ħaġa tajba li anki tal-Partit Laburista jistgħu jammettuha. Qabel saret ir-riforma, t-trasport pubbliku ma kienx regolat permezz ta’ kuntratt. L-iffirmar ta’ dan il-kuntratt kien seħħ fl-2010, liema kuntratt kien għadda f’idejn il-gvern l-awtorità bla preċedent li jitterminah huwa stess.
Ippermettuli niċċara. Qabel l-2010, il-gvern ma kellux is-saħħa li jġiegħel lill-operaturi tal-karrozzi tal-linja biex jirriformaw. Lanqas ma kellu s-saħħa li jqalfathom ‘il barra li kieku dawn kellhom jibqgħu ma jirriformawx. Dawn kellhom garanzija legali perpetwa indipendentement mill-kwalità tas-servizz li kienu qed jipprovdu u l-gvern kien jeħtieġlu li jixtri mingħandhom id-“dritt” li kellhom li jipprovdu servizz ta’ trasport pubbliku.
Meta fl-2010 kien sar il-kuntratt ma’ tal-Arriva, dan kien għal perijodu definit ta’ għaxar snin (jiġifieri sal-2020) u dan il-kuntratt seta’ jitħassar qabel għeluq dawn l-għaxar snin kemm il-darba l-gvern kien jirriżultalu li ma kienux qed iwettqu l-wegħdiet li huma kienu għamlu fil-kuntratt.
Il-Partit Laburista dan jafu sew għaliex kien il-gvern tal-Labour stess li kien qalfat lil tal-Arriva ‘l barra fl-ewwel sena li għamel fis-setgħa. M’hux bi ħsiebni noqgħod nidħol fil-mertu dwar jekk deċiżjoni bħal din kienitx waħda dettata mill-għaqal u mir-raġuni jew le għaliex, jekk nagħmel dan, inkun qed nidħol f’diskussjoni ta’ natura akkademika. Li rrid ngħid hu li l-gvern seta’ liberament iħassar il-kuntratt u jfittex li jinqeda’ minn band’oħra.
Mhux kulħadd għandu x-xorti li kelli jien meta sibt il-kuntentizza fit-tieni żwieġ tiegħi. Il-punt hu li fl-2013, il-gvern kien ħa riskju u dan ir-riskju l-gvern seta’ jieħdu bil-libertà kollha.
Hawn min jirraġuna li skop ewlieni wara t-tnedija ta’ kuntratt huwa l-mod kif dan għandu jkun regolat, dwar il-mod kif jista’ jitħassar, dwar il-mod kif jinstab tarf b’mod amikevoli ta’ kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien u, jekk ma jkunx jista’ jinstab dan it-tarf, dwar il-mod kif il-partijiet ikun jistgħu jinħallu minn ma’ xulxin kemm jista’ jkun mingħajr ma ssir ħafna ħsara.
Jekk huwa minnu li fil-kuntratt li ġie ffirmat ma’ Steward teżisti klawżola li ġġiegħel lil Malta tħallas multa ta’ €100 miljun kemm il-darba dawn jibqgħu ma jwettqux dak li ntrabtu li jwettqu u l-qorti tqalfathom ‘il barra, dan ikun ifisser li Konrad Mizzi ma kienx innegozja biex tgawdi Malta. Innegozja biex jagħti vantaġġ lil Steward a skapitu tal-poplu Malti.
Il-biċċa l’kbira tan-nies ċertament m’hi qatt ser ikollha x’taqsam ma’ kuntratt li jkun jiswa’ €1 miljun f’daqqa. Ma tista’ qatt timmaġina x’ifisser il-kunċett ta’ €100 miljun u timmaġina li l-gvern għandu minn dawn bir-rimi msakkrin f’xi kexxun.
Biex nagħti eżempju: l-ammont ta’ €100 miljun huwa d-doppju ta’ dak li l-gvern kien bassar li ser jonfoq għal din is-sena f’dawk li hu nfieq kapitali għas-servizz kollu tas-saħħa. Biex ikopri dan l-iżbilanċ, il-gvern ikollu joqgħod lura milli jinvesti fl-isptarijiet tagħna għal sentejn sħaħ.
U f’dawn is-sentejn konna nagħmlu tajjeb għaż-żmien mitluf li matulu ta’ Steward Health Care u l-predeċessura tagħhom Vitals Health Group naqsu li jwettqu l-impenn li kienu għamlu biex jinvestu fi tliet sptarijiet li kienu ngħataw f’idejhom, liema sptarijiet tħallew fi stat ta’ telqa. L-ikbar sptar fost it-tlieta, l-Isptar San Luqa, llum sar qisu miżbla.
Wieħed forsi jista’ jasal biex jirraġuna li jkun aktar jagħmel sens jekk ta’ Steward jinżammu biex b’hekk Malta ma teħilx il-multa ta’ €100 miljun milli dawn jitqalftu u nippermettulhom li jeqirdu nofs l-infrastruttura tas-saħħa li għandu l-pajjiż. Wara kollox, id-dmir ewlieni tagħna huwa dak li nipprovdu kura sostenibbli tas-saħħa għall-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Tgħid fuq din il-kwistjoni Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri ser igħadduha lixxa wkoll?