Negozjant li ħoloq co-location facility f’San Ġiljan għal dawk li huma magħrufin bħala digital nomads, jiġifieri persuni li jaħdmu elettronikament fl-ibliet ‘il bogħod minn darhom, wissa’ lill-Ministru Silvio Schembri li huwa lest li jikxef informazzjoni dwar “involviment personali u dwar l-interessi tiegħu” fil-proġett Blockchain kemm il-darba ma jirtirax l-ordni li ħareġ dan l-aħħar biex dawk il-barranin (li m’humiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea) li jkunu tilfu ħobżhom jitilqu mill-pajjiż jekk ma jkunux sabu xogħol alternattiv fi żmien għaxart ijiem.
Dan in-negozjant, li jismu Daniel Go skont l-identità tiegħu fuq il-Facebook, huwa l-fundatur ta’ Cocohub Malta. Fil-Facebook huwa daħħal filmat li jidher li nġibed f’belt Ewropea.
Fil-Facebook page ta’ dan in-negozjant, hemm ukoll kitba li fiha jikkritika lill- Minister Silvio Schembri talli dan neħħa l-fakultà li għandu bħala Facebook user li jikteb kummenti fuq il-paġna tal-Ministru meta dan kien irċieva patafjun ta’ ilmenti wara li Silvio Schembri fil-Parlament stqarr li “barranin” li jitilfu l-impjieg minħabba l-kriżi tal-coronavirus ser jitkeċċew mill-pajjiż għaliex “l-ewwel jeħtieġ li naħsbu f’dawk ta’ ġewwa”.
Aktar tard il-Ministru fittex li jdoqq l-irtirata u rtira dak li kien stqarr, iżda l-gvern ma jidhirx li ħa passi biex jemenda l-proċedura li permezz tagħha barranin li m’humiex ċittadini ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jitkeċċew mill-pajjiż kemm il-darba ma jġibux prova li sabu mpjieg alternattiv fi żmien għaxart ijiem. Dawn il-barrannin u dawk li qed jitkellmu f’isimhom qed igħidu li ż-żmien ta’ għaxart ijiem m’huwiex prattiku fl-isfond tal-kriżi li ninsabu fiha.
‘Daniel Go’, li jingħad li huwa ċittadin Olandiż, ikkritika lil Silvio Schembri u xela’ lilu u lill-gvern tiegħu b’nuqqas ta’ valuri bażiċi meta heddew lil dawn il-barranin bit-tkeċċija wara li tant ikkontribwew għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.
Fi tmiem il-filmat, ‘Daniel Go’ jagħti twissija ċara lill-Ministru Schembri: “Bi ħsiebna nużaw kontrik l-għodda kollha li konna ġbarna mingħandek u mingħand sħabek. Ser nikxfuk dwar l-involviment personali u l-interess tiegħek fi żmien meta int kont kont qed tirsisti b’saħħa biex Malta ssir block chain island. Aġixxi issa. L-Ewropa tinsab għassa tiegħek. Mhux ser nibżgħu, għażiż Sur SCAM-bri,” itemm il-filmat.