Illum qed titfakkar Daphne Caruana Galizia flimkien ma’ tant mijiet oħra ta’ vittmi innoċenti li, tul is-snin, inqatlu minn organizzazzjonijiet mafjużi.

Għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, il-jum tal-21 ta’ Marzu ntagħżel mill-organizzazzjoni ta’ kontra l-mafja Libera bħala l-jum ta’ tifkira għall-vittmi innoċenti tal-mafja. Din is-sena il-laqgħa ta’ tifkira kellha ssir f’Palermo iżda din tħassret minħabba l-kriżi tal-coronavirus.

F’kitba fil-Facebook dalgħodu, oħt Daphne Corinne Vella fakkret f’ġurnalisti oħra li nqatlu mill-kriminalità organizzata li, flimkien ma’ oħtha, kienu nqatlu minħabba x-xogħol tagħhom biex, f’isem id-demokrazija, jikxfu l-firxa u l-infiltrazzjoni tal-mafja.

Il-ġurnalista Taljan u Senatur tar-Repubblika Sandro Ruotolo illum ftakar fil-vittmi tal-mafja u f’Daphne Caruana Galizia. Fil-Facebook huwa kiteb dan li ġej: “Il-virus mhuwiex se jħassar il-memorja tagħna. Bi ħsiebna nirritornaw lejn il-pjazez, lejn l-iskejjel u lejn inħawi fejn igħixu n-nies biex infakkru lill-vittmi innoċenti tal-mafja. Anki jekk illum ser ikollna nibqgħu f’djarna, jeħtieġ li nkomplu ngħallmu s-sbuħija fil-konfront tas-sottomissjoni, tal-biża’ u tal-kompliċita tas-skiet”.