Daniele Baraggioli, negozjant Taljan li jgħix f’Malta, għandu kemm nieda petizzjoni change.org li permezz tagħha qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tibgħat rappreżentanti tagħha f’Malta sabiex isiru żjajjar lil bosta siti fejn qed isir tħammil u bini ta’ art u sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar tibdiliet li jeħtieġ li jsiru fil-liġijiet Maltin bil-għan li titħares ħajjet il-familji li jgħixu biswit siti bħal dawn.
Din il-petizzjoni tniediet wara d-diżgrazzja li seħħet dan l-aħħar li fiha Miriam Pace mietet mirduma f’darha stess minħabba xogħlijiet ta’ tħammil li kien qed isir biswit l-istess dar tagħha.
Fl-introduzzjoni tal-petizzjoni, s-Sur Baraggioli – persuna li taħdem fil-qasam tad-design software – fakkar li minn april 2018 sal-lum ġġarrfu tmien binjiet minħabba l-liġijiet li jippermettu li jsir xogħol ta’ tħammil biswit bini ieħor li ma jkollux sisien sodi biżżejjed.
Daniele Baraggioli fakkar ukoll li x-xogħol ta’ tħammil li kkaġuna l-mewt ta’ Miriam Pace kien ġie ċertifikat minn perit li hu wkoll azzjonist f’kumpannija li kienet qiegħda twettaq ix-xogħol.
“Minħabba n-negliġenza tal-gvern, ma jeżistu ebda proċeduri dwar is-sigurtà u l-awtorità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol m’għandhiex saħħa biżżejjed biex tegħleb ir-rabtiet sodi li hemm bejn il-kuntratturi tal-bini u l-awtorità tal-ippjanar u l-gvern. L-infurzar m’għandu riżorsi ta’ xejn.”
Il-petizzjoni tgħid li “l-gvern Malta m’għandux il-ħila li jikkontrolla dan il-kaos u l-Unjoni Ewropea – li issa ilha tiffinanzja lill-gżira għal diversi snin – għandha tieħu l-azzjonijiet kollha li huma meħtieġa.”
S’issa l-petizzjoni ġabret 1,560 firma. Agħfsu hawn fuq il-link.