Minn sondaġġ li xxandar il-bieraħ fit-Torċa jirriżulta li madwar nofs dawk li vvutaw PN f’Ġunju 2017 ma jafdawx lil Adrian Delia. Minn dak in-nofs, kwint minnhom irrifjutaw li jwieġbu, madwar kwint ieħor jippreferu lill-mexxej Laburista mill-mexxej tal-partit li kienu vvutaw għalih fl-aħħar elezzjoni ġenerali u l-bqija ma kellhomx tweġiba għall-mistoqsija li saritilhom.

Sar ukoll paragun mas-96% li vvutaw Labour fl-aħħar elezzjoni ġenerali li jgħidu li għandhom fiduċja f’Robert Abela.

Għaldaqstant nistgħu ngħidu li issa li n-novità inizjali tal-elezzjoni ta’ Robert Abela għaddiet, il-prim ministru huwa fdat b’aktar mid-doppju fil-konfront tal-avversarju tiegħu.

Huma biss 22% li wrew fiduċja f’Adrian Delia u dan jibqa’ anqas popolari mill-partit li jmexxi. Iżda meta tipparaguna l-perċentwali ta’ 42% ta’ dawk li lesti li jivvutaw PN mal-perċentwali ta’ 55% li huma lesti li jivvutaw Labour, jekk issir elezzjoni għada, tal-Labour jirbħu b’marġni ta’ madwar 40,000 vot.

Jekk dan is-sondaġġ huwa korrett, ikun ifisser li elezzjoni bikrija għandha tipproduċi bejn wieħed u ieħor l-istess riżultat ta’ Ġunju 2017. Għalkemm il-mistoqsijiet li saru minn min għamel is-sondaġġ m’humiex garanzija li jkun rifless f’riżultat bħal dan, jidher li dawk li vvutaw PN fl-2017 – anki dawk li jagħmlu parti mill minoranza mdaqqsa li ma jafdawx lill-mexxej tal-partit – se jerġgħu jivvutaw PN fl-elezzjoni li ġejja. Iżda l-PN m’hu ser jirbaħ ebda vot minn fost dawk li vvutaw Labour, minkejja l-bidla li seħħet fit-tmexxija.

M’għandix dubju li dawk il-ftit trolls li fadallu Adrian Delia se jippruvaw isallbuni fil-Facebook minħabba din il-kitba. Madankollu naħseb li l-aqwa risposta għal dawn l-imberkin tinsab f’ritratt li ntbagħat mid-deputat Herman Schiavone lill-kollegi parlamentari tiegħu.

Schiavone kien illawrja fis-suġġett tas-sistemi elettorali u huwa wieħed minn dawk jifhmu f’dan il-qasam.

Araw il-mod kif irreaġixxa għas-sondaġġ li xandret it-Torċa.

Quite.