Il-prim ministru jeħtieġ iħabrek aktar. Issa mhux imbagħad.
Għal bosta ġranet, il-prim ministru baqa’ lura milli jkellem lill-poplu. Mhux biżżejjed li jagħmel trasmissjoni minn fuq ir-radju tal-Partit Laburista. Meta jagħżel li jagħmel xandira permezz tal-mezzi tax-xandir ta’ partit politiku, ikun qed jaqsamna f’tribuwijiet differenti meta dan huwa żmien li fih jeħtieġ li ningħaqdu, li nkunu solidali ma’ xulxin u li nwarrbu dak kollu li jifridna.
Ma taħsbux li huwa fatt tassew ironiku li, dawk li kienu xtaquna ningħaqdu matul iż-żmien li fiħ seħħet it-tempesta politika li xkupat lil Joseph Muscat mis-setgħa, issa qed jagħmlu minn kollox biex jifirduna? Robert Abela jidher li jinsab komdu jmexxi lil dawk li jafdawh b’għajnejhom magħluqa. Iżda malli l-poplu jdur fuqu bħala mexxej biex tintwerielu t-triq f’dawn iż-żminijiet tant iebsin, x’jagħmel Robert Abela? Jinħeba’.
Għandi nifhem li huwa konxju dwar ir-rispett wiesa’ li jgawdi Chris Fearne mal-poplu in ġenerali. Biex jingħad kollox, id-deputat prim ministru huwa tabib u għalhekk, fi żminijiet bħal dawn, għandu vantaġġ naturali. Fil-ħajja, jiġu żminijiet li fihom ikollok bżonn parrukkier, żminijiet oħra li fihom tiġi bżonn is-servizz ta’ tabib veterinarju u oħrajn li fihom taf tiġi bżonn avukat. Bħalissa jeħtieġ li nserrħu fuq il-pariri tat-tabib.
Il-fehma ġenerali hi li Chris Fearne jaf x’inhu jagħmel, qed jingwala sew mal-kapijiet tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu, qed jifhem sewwa l-problemi kollha u għandu l-ħila li jispjegahom.
Il-bqija tal-membri tal-kabinett la jafu jekk humiex ġejjin u lanqas jekk humiex sejrin. M’għandhom ebda soluzzjoni għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha għaliex kull ministru responsabbli qed jinħeba’ u kull tweġiba li qed jagħtu qed tkun waħda nofs kedda.
Il-gvern qed jadatta ruħu bil-mod wisq għar-realtà li għandna quddiemna u għadu ma ħareġ b’ebda inizjattiva biex iħares lil dawk li fis-soċjetà huma meqjusa bħala l-aktar vulnerabbli. S’issa l-istat għadu ma offra ebda protezzjoni lil dawk li huma vittmi tal-vjolenza domestika li issa jinsabu maqfulin f’darhom flimkien ma’ dawk li jabbużawhom. Lil dawk li jgħixu waħedhom u li m’għandhomx min idur bihom, bil-kemm taw każhom. Ma smajna xejn dwar it-teħid ta’ miżuri favur dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u favur il-foqra.
L-għeluq tal-iskejjel kellu riżultati mħallta. Hemm tfal li qed ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom qisu ma ġara’ xejn. Iżda hemm tfal oħra – partikolarment dawk li jattendu l-iskejjel tal-gvern – li qed ibatu minħabba l-fatt li l-iskejjel tagħhom qed idumu wisq biex jadattaw ruħħom għaċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom. Tal-ministeru tal-edukazzjoni jinsabu aktar mehdijin li jixgħalu x-xemgħat ta’ tifħir lil Owen Bonnici milli biex jaraw li l-iskejjel kollha jadattaw ruħħom għaċ-ċirkostanzi l-ġodda.
Il-gvern qed idum wisq ukoll biex jadatta għad-diffikultajiet ekonomiċi li ser ikollna. In-negozji qed jitħallew ikeċċu l-ħaddiema u, qabel tkun tista’ tlissen il-famuża frażi “u ejja come on”, bosta huma dawk in-negozji li ser jibdew jaħsbu biex jagħlqu l-bibien tagħhom. Jidher li Edward Scicluna u Silvio Schembri għadhom ma ntebħux li dak li kienu ilhom imdorrijin bih m’għadux igħodd. Dak li tinsab għaddejja minnu l-ekonomija bħalissa la hu temporanju u lanqas hu riversibbli.
Dwar l-infurzar tal-liġijiet, il-gvern għadu ma qal xejn. Qabel seħħet il-kriżi, s-servizz li kienu qed jagħtu l-membri tal-pulizija diġà ma kienx wieħed mill-iprem. Il-korp kien immexxi minn persuni li ma kienux tal-affari tagħhom. Il-kriminalità organizzata infiltrat lis-setgħa politika u lin-negozju. It-tentakli ta’ din il-qarnita kienu ggranfati mal-banek, mal-partiti politiċi u mal-burokrazija.
Bħalissa l-attenzjoni tagħna tinsab band’oħra għaliex il-priorità hi s-saħħa u l-ġlieda kontra l-virus inviżibbli. Biex tkompli tgħaqqad, il-pulizija qed ikollha tiġri wara dawk il-boloħ li qed jinjoraw l-istruzzjonijiet kollha biex jinqaflu f’darhom u dawn l-istess membri tal-korp tal-pulizija jistgħu ukoll jittieħdu mill-mard daqs ħaddieħor. Il-kriminali jafu sewwa li dan huwa ż-żmien li fih jistgħu jagħmlu xalata.
Joseph Muscat u l-klikka tiegħu dan jafuh. Il-kriminalità organizzata dan tafu wkoll. Kif intqal min xi ħadd: “il-kaos jaf iservi ta’ sellum”.
L-awtoritajiet għadhom ma taw ebda indikazzjoni dwar il-mod kif ser iħejju ruħħom biex jiġi żgurat li fil-pajjiż tibqa’ tirrenja l-ordni.
Agħtu daqqa t’għajn lejn din l-istorja nkredibbli li xxandret dalgħodu fil-ħarġa tal-Malta Today. Il-bieraħ il-gvern ħareġ projbizzjoni kontra l-ġemgħat pubbliċi u qal li min jorganizza laqgħat bħal dawn jeħel multi kbar. Minkejja dan, l-Awtorità tal-Ippjanar sejjħet laqgħa għal nhar il-Ħamis sabiex jiġu kunsidrati applikazzjonijiet għal proġetti kbar ta’ żviluppaturi ewlenin, kompriż dawk tal-iżviluppatur notorju Joseph Portelli.
Il-laqgħat l-oħrajn tal-Awtorità tal-Ippjanar kollha tħassru. Seduti tal-qorti, ħlief dawk li huma urġenti, ġew posposti. Operazzjonijiet kirurġiċi tħallew għal aktar tard. In-negozji li jiddependu mis-servizzi pubbliċi twaqqfu.
Iżda jidher li saret eċċezzjoni għas-sinjuruni tal-konkos. Għal dawn, ir-regolaturi tal-ippjanar jeħtieġ li jipperikolaw saħħithom. U kull min joġġezzjona għal proġetti ta’ żvilupp se jingħata l-għażla bejn id-dritt tiegħu li joġġezzjona u d-dmir tiegħu li jsegwi l-istruzzjonijiet tla-gvern u jinqafel f’daru?
Meta sejjaħ din il-laqgħa, l-gvern jidher li kiser l-ordnijiet tiegħu stess. Anki li kieku kellu jħassar il-laqgħa qabel iseħħ, il-kaos li hemm f’kull qasam tal-gvern jikkuntrasta mal-ordni u l-organizzazzjoni li hemm fil-qasam tas-saħħa.
Fl-aħħar mill-aħħar, kollox jipponta lejn it-tmexxija xejn għaqlija ta’ Robert Abela. B’xorti ħażina, l-mexxejja politiċi ma jintagħżlux fuq il-mertu dwar il-mod kif dawn x’aktarx iġibu ruħħom meta jseħħ il-maltemp, partikolarment maltemp li bħalu ilu ma jkollna. Intagħżel Robert Abela u twarrab Chris Fearne għax kien hemm bosta li stennew li l-aqwa żmien se jwassal għal rebħa elettorali oħra.
Diġa’ qed ifeġġu sinjali ta’ paniku. Wieħed mis-sinjali kien f’dak li għoġbu jlissen dak l-imbeċilli ta’ Manuel Cuschieri li fakkarna fil-politika tal-mibgħeda tal-klassi li lanqas Sammy Mejlaq ma kien ikollu l-ħila jwettaqha. Diskors li wera’ li wħud fil-Partit Laburista m’għandhomx il-ħila li jżommu ruħħom ‘il bogħod mill-mibgħeda lejn dawk li jħaddmu u lejn in-negozjanti u mis-sottomissjoni tagħhom għar-regħba. Partiti politiċi li jitbandlu mill-estrem għall-ieħor huma dawk li ma jkollhomx il-ħila li jiddjalogaw bis-serjetà.
Fil-ġlieda kontra l-epidemija tal-coronavirus, il-gvern jidher li qed jirnexxielu jserrħilna moħħna saħħitna qed tiġi mħarsa. Iżda bosta minna se jispiċċaw bla xogħol u mhux ser ikun hemm wisq prospetti ta’ xogħol ġdid minkejja l-ħiliet li wieħed jista’ jkollu. U lkoll kemm aħna x’aktarx ser inkunu aktar vulnerabbli għall-isfruttament ta’ mħuħ rgħiba u kriminali li bla dubju jaqblilhom bil-presenza ta’ prim ministru li ma jafx fejn hu sejjer.
Robert Abela jeħtieġ li jħabrek aktar. Ħafna aktar.