Hi waħda ta’ tħassib il-qabża li għamlet Marthese Portelli minn xogħol fil-qasam politiku għal kariga mal-għaqda tal-iżviluppaturi. Għamlet bħal dik l-armla li, l-għada tal-funeral ta’ żewġha, tibda’ tinnamra ma’ raġel ieħor. Jew – agħar minn hekk – bħal dik l-armla li, l-għada tal-funeral tar-raġel tagħha, tibda’ tinnamra ma’ ġar li żewġha ta’ spiss kien ikollu xi igħid miegħu.

Ejjew niċċaraw ftit il-kwistjoni.

M’hemmx dubju li dawk li jħallu l-arena politika għandhom kull dritt li jaħdmu band’oħra. Dan l-aħħar, din il-ġustifikazzjoni lissinitha Justyne Caruana li – bħal Deborah Schembri qabilha – inħatret bħala l-avukat tal-gvern li tiegħu kienet ministru biss ftit ġranet qabel.

Il-kwistjoni m’għandha x’taqsam xejn mad-“dritt” li wieħed jaħdem iżda dwar jekk ikunx għadda żmien biżżejjed bejn dakinhar li politiku jkun warrab mill-ħajja pubblika u dakinhar li din l-istess persuna tingħata rwol ieħor u dan sabiex ma jkun hemm ebda suspett li politiku jkun ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu biex jieħu ħsieb l-interessi personali tiegħu għaż-żmien ta’ meta jkun barra mill-ħajja pubblika.

Lill-ġurnal Times of Malta, Marthese Portelli llum qaltlu li l-Għaqda tal-Iżviluppaturi offrietilha kariga fi ħdanha f’dawn l-aħħar 24 ġurnata kemm ilha li rriżenjat għall-għarrieda minn membru parlamentari.

Dan ma jidhirx li hu l-każ.

Iżda jidher li dik li kienet il-ministru dell dwar l-ambjent kienet f’kuntatt mal-għaqda tal-iżviluppaturi u tkellmet dwar il-pożizzjoni tagħha. Jekk dan il-każ, ma mxietx sewwa.

Ċertament l-Għaqda Maltija tal-Iżviluppaturi għandha kull dritt li taħtar ir-rappreżentant tagħha skont l-għażliet tagħha. Dan id-dritt, ħadd m’hu qed jiċħadulha. Iżda jekk xejn, l-iżviluppaturi ilhom snin twal igawdu r-riħ fil-qala aktar milli kien ħaqqhom. Dejjem għaddiet tagħhom a spejjeż tal-bqija tal-komunità.

Dawk li jsostnu li l-Għaqda m’hix neċessarjament responsabbli għall-imġieba tal-membri tagħha jkunu qed iqarrqu. Huma appuntu dawn il-membri – u l-interessi tagħhom – li huma rappreżentati mill-Għaqda.

U huma proprju dawn l-interessi li jmorru direttament kontra l-interessi aktar wiesgħin tal-interess pubbliku: il-qliegħ tagħhom kontra l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Dawn jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tagħhom kemm jogħġobhom iżda l-bqija tal-poplu m’għandu ebda tarka biex tiddefendilu l-interessi komuni u wiesgħin tiegħu.

Ħafna drabi d-dibattiti li jsiru quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jiġġeneraw f’ battibekk bejn l-iżviluppatur u l-bqija tal-pajjiż. U bosta drabi huwa l-iżviluppatur li joħreġ rebbieħ.

Fil-Parlament, Marthese Portelli kienet il-qaddejja ta’ interess pubbliku li ilu żmien twil jaqla’ fuq rasu. Għallinqas hekk dejjem ħsibna, partikolarment meta kienet ikkritikat pubblikament il-politika antika tal-partit tagħha favur il-ħatriet ta’ persuni politiċi fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. U meta kienet irriżenjat mill-Awtorità bi protesta kontra r-rebħiet inspjegabbli li kien qed jagħmel l-iżviluppatur Joseph Portelli, partikolrament meta ngħata l-permess biex jibni villa fil-Qala.

Issa ċ-ċittadini Maltin reġgħu qalgħu daqqa oħra. Minflok taħdem għall-komunità minn ħdan il-partit fl-oppożizzjoni, Marthese Portelli issa qed taħdem fl-interesss tal-iżviluppaturi. Dak li tilef il-qasam politiku, rebħitu l-għaqda tal-iżviluppaturi.

M’għandniex xi ngħidu, l-attitudni ta’ Marthese Portelli se tinbidel bis-saħħa tal-fatt li ser tkun qed tiġbed il-ħabel tal-imgħallem il-ġdid tagħha. Iżda bħala riżultat ta’ dan l-arranġament, jista’ wkoll jiġri li l-Għaqda tal-Iżviluppaturi se tasal biex tibdel l-attitudni tagħha.

L-iżviluppaturi kienu u għadhom qrib wisq iż-żewġ partiti politiċi u x’aktarx li, bil-ħatra ta’ Marthese Portelli, s-sitwazzjoni se tibqa’ dik li hi llum. Iżda l-Għaqda tal-Iżviluppaturi kienet imxiet pass pass mal-Partit Laburista u kienet kolonna ewlenija fil-pjan ta’ Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri meta dawn kienu ffurmaw konġura fir-‘raba’ sular’ taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fis-snin ta’ qabel l-2013.

Wieħed jista’ jobsor li l-Partit Laburista xejn ma ħa pjaċir bil-ħatra ta’ Marthese Portelli fl-Għaqda tal-Iżviluppaturi. Dawn bħal donnu riedu jwasslu messaġġ fis-sens li l-Għaqda ma tridx tidher bħallikieu hi ħobża u sikkina ma’ tal-Labour.

Madankollu din il-ħatra ma twassalx il-messaġġ li l-iżviluppaturi jridu jaqtgħu kull rabta mal-qasam politiku. Dawn għandhom arma li mhux lakemm jitilquha minn idejhom għaliex hi arma li serviethom sew.

Il-votanti kienu vvutaw lil Marthese Portelli u tellgħuha fil-Parlament. Tħallset bis-sittiet u nnewtralizzajniha meta qiegħdniha taħt l-awtorità ta’ baħnan bħal Adrian Delia li mingħalih li l-membri parlamentari qiegħdin hemm biss biex iqiegħduh f’niċċa u jixgħalulu x-xemgħat.

Marthese Portelli m’għadhix taħdem għalina u issa bdiet taħdem għas-sidien tal-krejnijiet. X’aktarx li ser ikollha paga ħafna aħjar milli kellha. Iżda ċertament ser tħoss li, permezz tax-xogħol il-ġdid li daħlet għalih, issa ser tkun tista’ teżerċita t-talenti tagħha ħafna aħjar minn fejn kienet qed taħdem qabel.

Dnub. Tassew dnub.