Minkejja l-fatt li r-riskju tal-konsegwenzi li nistgħu nġarrbu f’każ ta’ żjieda ta’ infezzjonijiet kaġunati mill-imxijja Covid-19 għadhom l-istess bħalma kienu f’Marzu li għadda, Robert Abela m’għandux il-kuraġġ jammetti li, fl-aħħar mill-aħħar, jeħtieġ li jkun hu li jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li ħa li għandna niffaċċjaw ir-riskju mingħajr ma ningħalqu f’darna.
Robert Abela hu mbeżża’ mill-imxijja Covid-19 daqs kull wieħed u waħda minna. Jekk kollox jibda’ jmurlu żmerċ, ikun jeħtieġlu li jwaħħal f’Charmaine Gauci billi jmur igħid li din tagħtu parir li jibda’ jiftaħ il-pajjiż. Huwa ma jridx biss li jmur kontra l-pariri tagħha, kif inhu dritt tiegħu bħala prim ministru. Iridha tappoġġja d-deċiżjoni tiegħu ħalli mbagħad ikun jista’ jwaħħal fiha jekk u meta jinqala’ l-għawġ.
Huwajinsab imbeżża’ mill-imxijja Covid-19. Iżda jibża’ ħafna aktar minn dawk li qed jiffinanzjaw lill-partit tiegħu u mill-votanti tiegħu li bosta minnhom x’aktarx jistgħu jispiċċaw qiegħda kaġun tal-għeluq tal-pajjiż. U jekk dawn imutu kaġun tal-imxijja, il-fehmiet tagħhom ma jibqgħux importanti meta tasal l-elezzjoni.
Għaldaqstant, ta’ ġifa li hu, għażel li jilgħab karta.
Charmaine Gauci ma tistax terfa’ r-responsabbiltà għal dak li jiddeċiedi l-prim ministru, b’mod partikolari jekk dawn id-deċiżjonijiet imorru kontra l-pariri li tkun tagħtu. Il-prim ministru huwa hu. U mhux hi.
Iżda jekk, minħabba xi sens ta’ lejaltà perversa jew minħabba sens ta’ dixxiplina ġerarkika, Charmaine Gauci tabbanduna d-dmir professjonali tagħha li toqgħod biss fuq analiżi xjentifika kull meta titkellem – jew, kull meta tagħżel li żżomm is-skiet – ser ikollha għalxiex tissielet mal-kuxjenza tagħha.
Jien mhux qed ngħid li Charmaine Gauci mit-theddid tar-riżenja għandha tgħaddi biex twarrab. Qed ngħid li, jekk ser tibqa’ f’postha, għandha tagħmel dan biex xogħolha jkun tista’ twettqu kif suppost. Jiġifieri li taħdem biex tħarisna mit-theddid għal saħħitna, inkluż it-theddid li jkun ġej mit-twettiq ta’ politika li jkun jidhrilha li qed tagħmel il-ħsara.
X’inhu għaddej minn moħħha, ħadd ma jista’ jkun jaf. Konna drajna narawha u nisimgħuha kuljum. Issa qed narawha u nisimgħuha ħafna anqas. Qed isirulha mistoqsijiet li saru skomdi u dawn il-mistoqsijiet qed tibqa’ lura milli tweġibhom għax qed tibża’ minn xi konsegwenzi li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xogħolha bħala t-tabib ewlieni tagħna. Xejn ma nbidel minn dakinhar xahrejn ilu li talbet lill-poplu biex jibqa’ f’daru. Li nbidel huwa biss li Robert Abela ma jidhirlux li għad għandha raġun.
Tista’ tlum lin-nies li tinsab imħawwda?