Dawn kienu r-raġunijiet li ġabet il-bieraħ il-Malta Financial Services Authority meta lil Christian Ellul u lil Karl Schranz ipprojbiethom milli jaġixxu ta’ diretturi jew operaturi ta’ servizzi regolati minnha.
Christian Ellul kien miżżewweġ lit-tifla ta’ Marian Kocner, negozjant sinjur Slovakk li jinsab mixli li kellu x’jaqsam mal-assassinju tal-ġurnalista Slovakk li kien investigah dwar imġieba kriminali, Jan Kuciak.
Iżda Christian Ellul kien ukoll ir-rappreżentant f’Malta ta’ Kocner u pprovda lil dan il-kriminal b’servizzi finanzjarji hawn Malta.
Waqt li Kocner qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq akkuża ta’ qtil, jinsab iservi sentenza ta’ 19 il-sena ħabs fuq it-twettiq ta’ delitti kriminali finanzjarji u tqiegħed taħt il-lista tas-sanzjonijiet Magnitsky li bis-saħħa tagħha l-Istati Uniti tkun tista’ taqbadlu ġidu, jkun fejn ikun.
Christian Ellul u sieħbu Karl Schranz għamlu kawża kontra The Shift News u kontra Matthew Caruana Galizia talli dawn allegatament għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-kumpannija tagħhom meta dawn kienu kixfu r-rabtiet bejn Marian Kocner u Christian Ellul.
Dawn tal-aħħar qed jappellaw kontra d-deċiżjoni li ħadet il-MFSA fil-konfront tagħhom.
Ta’ min josserva li ttieħdu passi kontra operaturi tas-servizzi finanzjarji għal raġunijiet ta’ “nuqqas ta’ onestà u ta’ integrità” li – għallinqas fit-teorija – huma ħriġijiet bażiċi għal min jipprovdi servizzi professjonali. Minn dak li rriżulta s’issa, id-deċiżjoni li ħadet il-MFSA tidher li hi waħda ġustifikata.
Iżda l-ġustizzja jeħtieġ li ssir ma’ kulħadd indaqs. Ellul u Schranz ipprovdew servizz lil kriminal billi ppruvaw jgħattulu xturu. U ġurnalist inqatel talli kixef l-għawwar kriminali li kellu, allegatament fuq ordni tal-klijent ta’ Ellul u Schranz, Marian Kocner.
Allura x’inhi r-raġuni li Brian Tonna u Karl Cini għadhom qed jitħallew jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji b’liċenzja maħruġa mill-MFSA?