Adrian Delia m’hu xejn ħlief eżempju ħaj ta’ kif ikun tirann populista. Jiġi jaqa’ u jqum li m’għandux l-appoġġ tal-grupp parlamentari tiegħu. Jiġi jaqa’ u jqum li ma jistax ikollok kap tal-oppożizzjoni li jkun nieqes mill-appoġġ tal-oppożizzjoni. Bi ħsiebu jibqa’ mkaħħal mal-leġittimità li tah Partit li jinsab maħkum minn nuqqas ta’ ħeġġa u li m’għandux il-ħila li jagħmel l-għażliet tiegħu indipendentement minn min ikun qed jokkupa l-kariga ta’ kap.
Ftakru ftit x’kien għamel l-aħħar darba li kellu nkwiet serju. F’Marzu tas-sena l-oħra, Adrian Delia kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni nazzjonali. Sena qabel, il-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU, irriżultalha li kien hemm suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus minn Adrian Delia meta kmieni fis-snin 2000 kien irrappreżenta lis-sidien ta’ briedel f’Soho u kien irċieva flejjes mingħandhom f’kont bankarju li kellu f’ismu f’Jersey.
Dan kien l-istess kont bankarju li, tul il-kampanja li għamel biex isir kap tal-PN, huwa kien stqarr li ma kienx jeżisti sakemm Daphne Caruana Galizia xandret dokumenti li wrew li dan il-kont bankarju fil-fatt kien infetaħ.
Sena wara, il-Pulizija rriżultalha li madwar nofs miljun ewro kienu ġew depożitati permezz ta’ ċekkijiet u fi flus kontanti fiż-żmien li nfetaħ il-kont. Huwa kien ġie konfrontat b’sensiela ta’ mistoqsijiet mis-Sunday Times of Malta. Adrian Delia beda’ jfajjar lura u qabbad lill-avukat Joe Giglio biex jirrappreżentah u allega li d-dokumenti li kienet xandret is-Sunday Times of Malta kellhom firem foloz.
Kris Bajada, li kien ħabib u sostenitur tiegħu kif ukoll sid il-briedel (Kris Bajada ċaħad li kien kiser xi liġi) stqarr li Adrian Delia kien qed igħaddi lil kulħadd biż-żmien.
Kris Bajada kien ilu f’koma għal madwar xahrejn meta kienet ixxandret din l-istorja. Ħin bla waqt, kien reġa’ ġie f’tiegħu u lil tal-Malta Today qalilhom: “M’hemm ebda dubju li kien Adrian li fetaħ il-kont bankarju fil-Barclays Bank u dan il-kont kien imexxih hu. Adrian x’aktarx ħaseb li din l-informazzjoni ma kinietx ser toħroġ fil-beraħ għax kont ser neħodha miegħi fit-tebut.… jekk ċaħad li kien hu li fetaħ il-kont bankarju, qed jigdeb. L-allegazzjoni dwar firem foloz għamilha biss biex jiddevja l-attenzjoni tal-pubbliku mill-verità tal-fatti x’aktarx għaliex ried isalva wiċċu minħabba l-fatt li l-elezzjonijiet kienu wara l-bieb”.
Iżda Adrian Delia kien irnexxielu joħloq biżżejjed konfużjoni fl-imħuħ biex iġiegħel lill-membri tal-PN ikomplu jittamaw u jemmnu li l-kap tagħhom m’huwiex ħalliel. Konvenjentement għal Adrian Delia, dan Kris Bajada inzerta kien ir-raġel ta’ oħt Simon Busuttil. U tfittxija li kienet saret mill-Pulizija fid-dar ta’ oħt Simon Busuttil kienet biżżejjed għal Adrian Delia biex ipinġi lilu nnifsu bħala vittma ta’ frame-up.
Dan ma kienx biżżejjed. Bgħat ukoll messaġġ ta’ paranoja lis-segwaċi tiegħu fil-PN u tahom x’jifhmu li kellhom imorru quddiem id-Dar Ċentrali biex ibeżżgħu lid-deputati u lill-membri tal-eżekuttiv.
Ġab ruħu ta’ tirann.
Dan kollu kien li seħħ f’Marzu 2019 meta konna smajna li jeżisti suspett raġjonevoli li ħasel flus maħmuġin u li l-Pulizija kienu qed jinvestigawh.
Mela wieħed jeħtieġ li jiftakar x’kienu t-tliet passi li kien għamel Adrian Delia fl-attentat tiegħu biex jibqa’ jimraħ fil-wiċċ:
- Għamel minn kollox biex jiskredita lill-ġurnalista. Tiftakruha t-tgħajjira “biċċa blogger” fiż-żmien li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar l-iskandlu tal-briedel f’Soho. U reġa’ għamel l-istess ħaġa meta għamel rapporti lill-Pulizija dwar firem foloz wara li kienu sarulu mistoqsijiet mis-Sunday Times of Malta.
- Ilgħabha tal-vittma. Mur għand il-Pulizija u għidilhom li l-provi li nġiebu kontrik kienu mbagħbsa permezz ta’ frame-up b’ħafna implikazzjonijiet dwar min seta’ kellu interess li jagħmlu biex b’hekk l-attenzjoni tiġi devjata. Hekk kien ġara’ s-sena l-oħra fil-konfront ta’ Simon Busuttil.
- Xewwex lis-segwaċi. Hekk qed jerġa’ jagħmel biċ-ċirkolazzjoni ta’ messaġġi biex illum wara nofsihar jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali biex jagħtu l-appoġġ “lill-maħbub kap tagħna”.