Fi żminijiet normali u f’pajjiżi normali, l-istejjer li kixef id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u dak li xxandar mill-istampa dwar politiċi Laburisti li allegatament huma mdaħħlin f’delitti kriminali kien iġiegħel lill-pubbliku jistaqsi dwar x’qed jagħmel il-prim ministru biex iżomm ruħu ‘l bogħod mill-ħallelin u l-kriminali li jinsabu fil-qalba tal-gvern tiegħu.
Iżda f’pajjiżna in-normal ifisser xi ħaġ’oħra.
Dan ma kellniex għalfejn noqgħodu nħabblu moħħna biex nifhmuh. Għaliex kemm ilu li tfaċċa Joseph Muscat fix-xena politika Maltija, l-gvern ma jistax ikollu rwol f’investigazzjonijiet kriminali li jsiru. Il-Kostituzzjoni tagħti s-setgħa lill-gvern li jiddeċiedi dwar jekk xi ħadd bħal Vince “il-Koħħu” Muscat għandux jingħata proklama sabiex ikun liberu li jixhed kontra l-imgħallmin mafjużi tiegħu. Dakinhar li din is-setgħa nkitbet fis-sistema kostituzzjonali tagħna, wieħed kien għadu jassumi li mhux ser ikunu ministri tal-gvern li huma stess ikunu mdaħħlin f’serqiet minn banek flimkien ma’ kriminali mixlija bi qtil.
U minkejja kollox, kellna naslu s’hawn.
Mhux bi ħsiebni noqgħod nispekula dwar l-identità ta’ dawn il-politiċi Laburisti.
Iżda ma nistax ma nosservax li l-feroċità tal-attakki li qed jagħmlu tal-Labour fuq Jason Azzopardi – politiku li jaf b’dak kollu li jafu huma wkoll – m’għandhom għalxiex jissorprendu lil ħadd. L-informazzjoni li għandu f’idejh Jason Azzopardi hi waħda perikoluża ħafna u għaldaqstant huwa stess jinsab fil-periklu.
U minkejja kollox, huwa wasal s’hawn.
Nosserva wkoll li l-Koħħu issa ilu minn April 2018 jipprova jpartat l-informazzjoni li huwa għandu f’idejh ma’ tnaqqis fil-piena fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Koħħu jidher li fil-pussess tiegħu għandu informazzjoni ta’ natura perikoluża u għaldastant hu wkoll jinsab f’periklu serju.
M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll il-fatt li Robert Abela – li kien l-avukat ta’ tal-Maksar, li huma l-istess persuni li ssemmew mill-Koħħu bħala dawk li fornew il-materjal splussiv li qatel lil Daphne u li issa hemm il-periklu li jinkixfu dwar ir-rabtiet tagħhom mal-kriminalità organizzata – għandu jirrikuża ruħu u joqgħod lura milli jieħu deċiżjonijiet dwar il-każ.
Nosserva wkoll li t-tmexxija tal-Partit Laburista ma jiddistingwux bejn il-ġlieda kontra l-kriminalità mill-priorità tagħhom li jirbħu l-elezzjonijiet. Għalihom il-verità u s-sewwa m’humiex rilevanti. Il-priorità assoluta tagħhom hi dik li jassiguraw li l-Partit Laburista jżomm is-setgħa f’idejh. Kull kunsiderazzjoni oħra hi sekondarja.
Hawn min forsi jgħid li din ta’ sikwit hi l-priorità tal-politiċi. U għal dan jien inwieġeb li għalhekk huwa importanti li s-setgħa tgħaddi ta’ spiss minn partit għal ieħor.
Fejn jidhħu deċiżjonijiet ta’ din in-natura, l-gvern huwa kontabbli lejn il-poplu. Kif għandhom ukoll ikunu kontabbli dawk ix-xhieda li jagħżlu li jikxfu r-rabtiet tagħhom ma’ delitti kriminali. Huwa biss il-poplu li għandu s-saħħa li jara li dawn ikunu kontabbli u li ssir ġustizzja permezz tad-demokrazija.
Jeħtieġ li l-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-poplu Malti jeħtieġ li jkeċċihom mis-setgħa. U, qabel jieħu r-riedni tas-setgħa, l-PN jeħtieġ iwiegħed li għandhom ikunu l-prosekuturi pubbliċi permanenti li għandu jkollhom is-setgħa li jmexxu l-prosekuzzjonijiet kriminali indipendentement minn uffiċjali tal-gvern.
Għandna għalxiex nittamaw?