Fit-28 ta’ Ġunju li għadda kont ktibt dwar Ishmael Psaila, preżentatur fuq is-Super One u attivist Laburista li huwa wkoll l-avukat personali ta’ Keith Schembri. Dakinhar kont ktibt dwaru għaliex, wara li qaċċat lil Aron Mifsud Bonnici minn fuq il-bord tal-Enemalta hekk kif feġġ l-iskandlu tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro, l-gvern daħħal floku Ishmael Psaila, li m’huwa xejn ħlief għodda f’idejn Keith Schembri.
Din ma kienitx l-unika ħatra mal-gvern li ngħata Ishmael Psaila. Dan jagħmel xogħol b’direct order għal diversi ministeri wkoll. Huwa jaħdem ta’ konsulent ma’ Transport Malta u l-uffiċċju ta’ Joseph Muscat meta dan kien prim ministru kien ħallsu mal-€40,000 għal xogħol li huwa għamel sa dakinhar li warrab Keith Schembri hekk kif kien ġie arrestat f’Diċembru li għadda.
Issa isimgħu din. Ishmael Psaila għadu kemm ingħata biċċa xogħol oħra fis-settur pubbliku. Għadu kemm inħatar biex iservi fuq il-Prison Leave Advisory Board għal tliet snin. Dan il-bord huwa kostitwit bis-saħħa tar-regolamenti tal-ħabs biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar jekk il-priġunieri għandhomx jiġu fdati biex jillargaw mill-bini tal-ħabs.
L-avukat ta’ Keith Schembri għadu kemm inħatar fuq bord li jiddeċiedi liema huma dawk il-priġunieri li jistgħu jiġu fdati biex jimirħu barra l-bini tal-ħabs.
Kawżi kważi jaf jaqbdek id-daħk.