Edwin Vassallo ilu fil-PN għal ħafna snin. Qatt ma kellu tolleranza, luċidità u rispett lejn id-diversità aktar milli għandu llum. Iżda kien jaf li ma kienx jaqbillu jparla żejjed. Kien jaf li ma setax igħaddiha lixxa li kieku kellu jesprimi bla xkiel il-preġudizzji tiegħu.
Iżda mbagħad il-PN għadda minn fażi li matulha t-tixrid tal-velenu tal-mibgħeda kontra ċerti nies kien sar moda.
It-twemmin ta’ Karl Marx m’għandu x’jaqsam xejn u m’għandu ebda rabtiet mad-drittijiet tal-bniedem, aħseb u ara kemm għandu rabtiet mad-dritt universali kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-orjentazzjoni sesswali.
Karl Marx innifsu ma kien tkellem kważi xejn dwar is-sesswalità, hi x’inhi l-orjentazzjoni. Kien hemm okkażjoni li fiha soċjalista Ġermaniż, li Marx ma kellux grazzja miegħu, kien ġie arrestat u kien ġie mixli li kien wettaq att omosesswali fil-pubbliku. Karl Marx kien irrifjuta li jissieħeb f’kumitat li kien inħoloq biex jiddefendi lil Jean Baptist von Schweitzer u, f’ittri li kien bgħat lill-ħabib tiegħu Friedrich Engels, spiċċa biex għadda ż-żmien b’von Schweitzer. Jekk xejn, x’aktarx li Karl Marx kien omofobiku daqs kemm huwa omofibiku Edwin Vassallo.
Kien Joseph Stalin li lill-irġiel omosesswali kien jikkastigahom b’ikla ħabs b’xogħol iebes għal 5 snin u wisq nissuspetta li Edwin Vassallo huwa influwenzat minn attitudnijiet ta’ din il-qatgħa.
Hawn min isostni li din il-mibgħeda kollha kontra l-omosesswali tista’ tfisser li Edwin Vassallo stess huwa omosesswali bil-moħbi. Jista’ jkun ukoll li dan m’huwiex il-każ. Forsi jista’ jagħti l-każ li huwa komunist bil-moħbi.
L-aktar ħaġa li tweġġa’ hi l-fatt li Edwin Vassallo jifforma parti minn grupp imdaqqas ta’ nies mhux biss qed jieħduha kontra persuni oħrajn li magħhom m’għandhomx grazzja, iżda wkoll qed jinfexxu kontra kulħadd bid-disprezz li għandhom għall-kunċett tad-drittijiet universali tal-bniedem. Dawn id-drittijiet huma d-dritt tal-omosesswali li ma jiġux diskriminati, d-dritt tas-suwed, tan-nisa, tat-tfal, tal-morda u tal-anzjani u saħansitra ta’ dawk li jxerrdu l-mibgħeda huma u jinvokaw il-Bibbja, li ma ssirx diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom.
Il-Kummissarju Helena Dalli tifforma parti minn Kummissjoni Ewropea li issa jidher li aċċettat il-kampanja li kien għamel il-Parlament Ewropew sabiex ebda stat membru ma jkun jista’ jgawdi ekonomikament mis-sħubija fl-UE kemm il-darba dawn jabbandunaw il-valuri li jsawwru lill-Ewropa: jiġifieri li ħadd m’għandu dritt li jiddiskrimina kontra xi kategorija tal-popolazzjoni.
Kien il-PN li ħadem qatigħ biex sieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea u bis-saħħa tat-twemmin proto-faxxist u mimli mibgħeda li xerred Edwin Vassallo tul dawn l-aħħar tliet snin, ma m’għamel xejn ħlief ittradixxa l-vokazzjoni vera tal-PN. Tul dawn l-aħħar tliet snin, il-preġudizzji tiegħu sabu r-riħ fil-qala. Bosta huma l-politiċi li jemmnu bil-moħbi li l-omosesswali ħaqqhom li jiġu diskriminati, iżda dawn dejjem żammew lura milli jesprimu twemminhom fil-beraħ. U l-PN b’xorti ħażina nħakem minn dan il-ġenn u minn dan il-velenu.
Iżda dalgħodu l-mexxej il-ġdid tal-PN Bernard Grech għamilha ċara li l-imġieba ta’ Edwin Vassallo mhux ser tiġi tollerata.
It-tqegħid tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna ifisser ir-rispett lejn, u d-difiża attiva tad-dinjità u d-drittijiet fundamentali ta’ kull individwu. Mingħajr eċċezzjoni.
Niddisassoċja ruħi u lill-@PNMalta minn kummenti li jmorru kontra dan il-prinċipju.
— Bernard Grech (@bernardgrechmt) November 13, 2020
Edwin Vassallo kellu bżonn jintebaħ li l-partit li għandu jimmilita fih huwa dak tal-Imperium Europa.
Kliem Edwin Vassallo qed joħloq spettaklu li Edwin Vassallo biss huwa ħerqan li jisimgħu.