Il-Prim Ministru m’għandux il-ħila li jinfatam mill-vizzji tal-imgħoddi. Eżatt bħal dak ta’ qablu, lill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ma jiddefendihiex bis-saħħa ta’ argumenti mnebbħin mill-merti tagħha stess. Tafu għaliex? Għaliex ħlief għall-fatt li l-iskema tissarraf fi flus, m’għandha ebda merti. Il-flus ma jrendux l-argument wieħed sod. Tista’ tagħmel il-flus anki jekk tagħmel serqa minn bank, iżda dan ma jfissirx li pass bħal dan huwa wieħed ta’ min jagħmlu.

Illum Robert Abela ġie mistoqsi mill-ġurnalisti l-għala rrifjuta milli jifraħ lil Roberta Metsola fl-okkażjoni tal-ħatra tagħha bħala Viċi-President tal-Parlament Ewropew. Din il-kwistjoni għadni s’issa ma ktibtx dwarha. Lill-gvern hemm diversi affarijiet li tista’ tixlieh dwarhom: fiċ-ċirkustanzi, n-nuqqas ta’ grazzja, l-vavati u l-guffaġni jidhru kemmxejn banali.

Li kieku Robert Abela ma kienx mitluf f’dagħdiha biex lil Joseph Muscat u lill-klikka ta’ madwaru jibqa’ jagħtihom il-kenn u s-sostenn, li kieku m’huwiex jaħtar il-bażużli tiegħu fl-istazzjon nazzjonali tax-xandir biex jimlina bil-propaganda stil tal-Korea ta’ Fuq, li kieku ma kienx qed jiżloq waħda wara l-oħra fin-niexef fejn tidħol l-imxijja Covid-19, li kieku ma kienx qed jagħti l-kenn lill-eks klijenti tiegħu li ħadmu l-bomba li qatlet lil Daphne u li kieku mhux iħalli l-migranti jegħrqu fil-baħar  jew imutu bħala lsiera fil-Libja, m’għandix dubju li kont insib il-ħin biex nikkritika lil Robert Abela talli naqas li jifraħ lil for Roberta Metsola għall-unur li għamlet lil pajjiżna.

Iżda llum lill-ġurnalisti tahom ir-raġuni għall-vavati tiegħu u tahom l-aktar tweġiba ta’ vavu li wieħed jista’ jimmaġina: ‘minħabba t-tfal li qed imutu bil-kanċer’.

Huwa stqarr li ma ħax pjaċir meta Roberta Metsola kienet għamlet kampanja kontra l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għaliex il-gvern qed jonfoq il-flus li qed jaqla’ minnha biex jiffinanzja għaqda volontarja li tiġbor flus li qed jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet tal-gvern f’dik li hi kura medika għat-tfal morda bil-kanċer u l-ħtiġijiet finanzjarji u soċjali tal-familji tagħhom.

Meta xela’ falz lil Roberta Metsola li din għamlet kampanja biex lit-tfal morda bil-kanċer ttelfilhom il-flus mgħotija lil tal-Puttinu, Robert Abela wera’ kemm huwa għażżien intellettwalment.

Lill-ġurnalisti qalihom li l-gvern kien ser igħaddi €5 miljun lill-Fondazzjoni Puttinu, flus li kien wiegħedhom Joseph Muscat. Fl-2019, dawk li jaħdmu f’din l-għaqda kienu wkoll ġabru €1.68 miljun sabiex setgħu ffinanzjaw lill-attivitajiet tagħhom.

X’qed iżomm lill-gvern milli jirrikonoxxi li xogħol il-Fondazzjoni għandu jkun ħaġa waħda mas-servizz tas-saħħa nazzjonali li hu ffinanzjat mit-taxxi li jinġabru għal dan l-iskop?

Fl-2019 il-gvern ġabar €944 miljun mill-VAT. U l-gvern għandu jistenna li jiġbor €50 miljun ieħor ma’ kull 1% li tiżdied fir-rata tal-VAT, jiġifieri aktar minn 10 darbiet fuq dak li jirnexxielhom jiġbru tal-għaqda Puttinu jew mill-flus li jidħlu mill-bejgħ tal-passaporti.

Iżda dan xorta waħda jista’ jitqies bħala intellettwalment għażżien għaliex il-gvern għandu jara kif jagħmel biex ma jkollux għalfejn iżid it-taxxi kull darba li jkollu żbilanċ. F’Malta t-taxxi għadhom relattivament baxxi u ċertament jistgħu jsiru l-aġġustamenti li jkunu meħtieġa. Iżda kemm kien ikun aktar għaqli li kieku f’dawn l-aħħar 7 snin, minflok biegħ il-passaporti u ntilef wara l-blockchain, il-gvern ħadem biex joħloq attivitajiet ekonomiċi ġodda li joħolqu l-impjiegi u żjieda fid-dħul għall-kaxxa ta’ Malta.

Dan huwa l-mod għaqli li permezz tiegħu l-gvernijiet jieħdu ħsieb it-tfal morda: mhux billi jixlu lill-avversarji u lill-kritiċi b’akkużi foloz iżda permezz tal-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi li jrendu l-flus li jkunu meħtieġa għas-servizzi pubbliċi li huma ntitolati għalihom il-morda u l-batuti. Dan huwa dak li nippretendu aħna ċ-ċittadini mingħand Robert Abela.

Għaldaqstat jista’ jagħti l-każ li mhux ser noqgħod inħabbel rasi li Robert Abela naqas li jifraħ lil Roberta Metsola għall-ħatra li ngħatat. Naħseb li hi stess ma tantx tilfet irqad bl-inkwiet għax taf li għandha l-ħila li tilħaq l-għanijiet tagħha u teċċella f’xogħolha mingħajr ma jkollha xi raġel ieħor ma’ djulha li jipprova jilgħabha tal-ħelu magħha.

Iżda meta lit-tfal morda bil-kanċer u l-ġenituri tagħhom li huma bżonn l-għajnuna li qed iċaħħadhom il-gvern, il-prim ministru jinqeda’ bihom u jużahom bħala armi politiċi biex bihom jattakka lill-avversarji, ma nistax noqgħod sieket.