Dwar Simon Mercieca ktibt f’dan il-blog u okkażjonalment insib ruħi ninkwieta li, permezz tat-tweġibiet tiegħi, nkun qed nagħti pubbliċità mhux mistħoqqa lill-qlajjiet ta’ dan il-miġnun.

Nista’ nikteb patafjun dwar il-gideb li qed imexxi dan il-bniedem. Għalih dawn ma jammontawx għal gideb iżda huma fatti alternattivi li permezz tagħhom jaqleb ta’ taħt fuq ir-realtà u jibdilha f’teorija – bħal, ngħidu aħna, t-teorija tal-evoluzzjoni – li tista’ tagħżel li tagħmilha tiegħek jew inkella twarrabha.

Bħalissa jinsab għaddej iredden dwar il-kuntrabandisti taż-żejt u li dawn sal-lum għadhom ma ttellgħux il-qorti mill-Pulizija għaliex jien (Manuel Delia, jekk jogħġobkom) ma ridtx li dawn jittellgħu l-qorti. Dan qed igħid li l-fatt li jien kont ktibt artiklu ftit anqas minn tliet snin ilu u li fih kont merejt l-istorja li ried ibella’ l-gvern fis-sens li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-kuntrabandu taż-żejt, b’xi mod huwa prova li kont għamilt pressjoni fuq is-soċjetà ċivili, fuq l-istampa, fuq il-Pulizija u fuq il-Ġudikatura sabiex il-kuntrabandisti jitħallew jiġru barra. U li din il-konġura kont faqqastha biex jeħel Yorgen Fenech bil-qtil ta’ Daphne.

Il-verità hi li l-kitbiet ta’ Simon Mercieca qed jitfgħu dawl ikraħ fuq il-professjoni tiegħu ta’ akkademiku u ta’ storiku. Fi żmien li fih in-nies qed “tixba’ tisma’ l-pariri l-esperti”, li fih ix-xjenza saret għażla  għandekx temminha jew le, li fih l-istejjer dwar konġuri qed jingħataw kredibilità daqs dak li jingħata lill-fatti pruvati, bniedem akkademiku – li xogħolu fis-soċjetà suppost hu li jikkonferma fatti dokumentati u li jwarrab il-qlajjiet li inħolqu fl-imgħoddi – hu stess qed jivvinta qlajjiet ġodda b’mod mill-aktar qarrieq.

Simon Mercieca jidher li jrid jipprova jeżonera lil Yorgen Fenech, li jieħu post il-Partit Laburista fit-taqtieha kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u li jimmina lis-soċjetà ċivili permezz tat-tixrid tal-gideb.

Bi ħsiebni nkompli nespandi dwar dan aktar ‘il quddiem.

Iżda issa nixtieq nesprimi xi ħaġa oħra. Nixtieq infiehem lil Simon Mercieca ħaġa li għandu mnejn jifhimha jew għandu mnejn ma jifhimhiex. Storiku li apposta jagħmel interpretazzjoni ħażina tal-intenzjonijiet ta’ xi personalità medjevali jew ta’ xi figura storika, li jiġbed konklużjonijiet żbaljati f’xi teżi li mbagħad tiġi miċħuda minn ħaddieħor u li saħansitra jigdeb u jivvinta dwar fatti storiċi biex ipinġi realtà li teżisti biss fl-immaġinazzjoni tiegħu, jista’ jasal biex jitlef ir-reputazzjoni tiegħu bħala storiku.

Li kieku jkun hemm xi ħadd li jmur igħid li Horatio Nelson kien bil-moħbi sostenitur ta’ Napuljun minħabba xi ittra falza li jingħad tkun instabet fid-dar ta’ xi dixxendent tiegħu, ikun dan ix-xi ħadd li jispiċċaw biex jiddieħku bih il-membri tal-professjoni tiegħu stess. Stejjer bħal dawn seħħew fl-imgħoddi. U ser jibqgħu jseħħu kemm qalb l-istoriċi kif ukoll qalb, ngħidu aħna, l-ispiżjara. Iżda min jigdeb jew iqarraq bil-qarrejja tiegħu dwar l-istorja ikun qed jagħmel ħsara lilu nnifsu.

Simon Mercieca saħansitra qed iqarraq bil-preżent ukoll. Bis-saħħa tal-isfond akkademiku tiegħu, jista’ jagħti l-każ li huwa jidhirlu li teżisti distanza bejn il-konklużjonijiet li huwa jiġbed u l-impatt li dawn jista’ jkollhom fuq ir-realtà. Speċi ta’, mhix ser taqa’ d-dinja jekk ikun hemm min jibla’ l-istorja dwar Horatio Nelson. Iżda Simon Mercieca qed jilgħab ma’ nirien li qed jitkebbsu fil-preżent.

Huwa m’huwiex biss jitkellem f’isem Yorgen Fenech jew jiddikjara l-innoċenza tiegħu jew – agħar minn hekk – jallega li Fenech huwa vittma ta’ frame-up. Qed jaħdem qatigħ biex ma ssirx ġustizzja ma’  Yorgen Fenech. U bil-għan li jaqdi lil Yorgen Fenech, Simon Mercieca qed jipprova jwaħħal ir-responsabbiltà tal-qtil fuq ħaddieħor, xi drabi b’mod vag u, xi drabi oħra, b’mod anqas vag.

Lil dawk il-persuni li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda favur il-verità u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, Simon Mercieca qed jattribwixxi intenzjoni kriminali fil-konfront tagħhom, qerq u intenzjonijiet kriminali. Ippermettuli nispjega.

Lill-ġurnalisti – jien inkluż – xliehom li qed jaħdmu biex dawk li huma ħatja għat-twettiq tal-assassinju jgħadduha lixxa. Fi kliem ieħor, li aħna qarraqna jew li qed inqarrqu bil-kors tal-ġustizzja.

Lill-avukati li qed jidhru għall-familja tal-vittma – u indirettament lill-familja innifisha – qed jixlihom li l-motivazzjoni vera tagħhom m’hix li tinkixef il-verità u li sseħħ il-ġustizzja.

Lill-prosekuturi, lill-investigaturi u lill-maġistrati qed jixlihom b’imġieba skorretta mmirata biex b’qerq issib lil Yorgen Fenech ħati    u biex min tassew hu ħati tad-delitt jibqa’ jgawdi mill-impunità.

Mercieca jikteb b’ċerta kawtela. Mhux biex ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor u lill-kawża favur il-verità u l-ġustizzja, iżda biex inaqqas il-ħsara potenzjali li jista’ jikkawża għalih innifsu. Dan ma jistax ħlief ifisser li, permezz ta’ kitbietu, huwa m’huwiex biss qed juża l-ħiliet tiegħu bħala storiku, iżda din il-kitba qed ifassalha b’mod biex legalment iħares lilu nnifsu. Għalija jista’ jikteb li jrid. Hu responsabbli ta’ dak li jikteb anki jekk il-fatt li qed jiġi użat minn persuna mixlija bi qtil u mill-avukati tiegħu qed tagħmel ħsara lill-kredenzjali akkademiċi u professjonali tiegħu.

Bejnu u bejn il-kuxjenza tiegħu, ma jkun jista’ qatt jipprova jiskuża ruħu billi jgħid li kien ħaddieħor li kiteb f’ismu.

Għaldaqstant dan li qed nikteb m’huwiex dwar kif jistgħu jirreaġixxu fil-konfront tiegħu l-vittmi tal-gideb – jew tal-fatti alternattivi – tiegħu. Il-qrati jistgħu jsibuh ħati ta’ disprezz u individwi jistgħu jfittxuh għall-malafama.

Iżda jeżistu ċerti konsegwenzi li huwa konxju tagħhom jew jista’ jkun li ma jafx bihom. Wisq nissuspetta li jaf bihom.

Meta jimmira l-kanuni tiegħu fuq il-prosekutur, ikun qed jiġġustifika l-biża’ li ta’ sikwit jaħkem bosta uffiċjali pubbliċi li jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif suppost: il-biża’ – li m’huwiex spjegat iżda li jinftiehem – li tant rajna minnha waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne. L-istess jista’ jingħad għall-attakki kontra l-attivisti, kontra l-ġurnalisti, kontra l-investigaturi tal-pulizija u kontra avukati u maġistrati. U stennew ukoll li jsiru attakki simili fuq imħallfin, ġurati, eċċetra.

Dawn l-attakki jistgħu ma jkunux kontinwi iżda nkun l-ewwel wieħed li niskanta li kieku Keith Arnaud, Kurt Zahra, Rachel Montebello, Philip Galea Farrugia, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, il-familja Caruana Galizia, Jacob Borg, Caroline Muscat, Ivan Martin u oħrajn, ma jieqfux xi ftit u fl-istess ħin jintebħu li għad jasal jum li fih xi kap tal-mafja u dawk ta’ madwaru jwaħħlu fihom talli kienu ġew imġiegħla jieklu ikla ħabs jew talli kellhom jinfatmu mis-setgħa politika jew talli tilfu mijiet tal-miljuni ta’ flejjes ġejjin mill-kriminalità.

Bħalissa Simon Mercieca m’għandux inkwiet ta’ din in-natura.

Raphael Vassallo kien ħarrikni fil-qorti talli jien kont ktibt xi ħaġa simili għal dak li ser nikteb u l-kwistjoni għadha pendenti quddiem il-qorti. Mhux ser niddejjaq nerġa’ ntenni l-istess ħaġa għal mitt darba fil-konfront ta’ Simon Mercieca.

Il-kitba tiegħu qiegħda tkebbes il-biża’ li ħakmet lill-istituzzjonijiet u liċ-ċittadini ta’ pajjiż maħkum mill-mafja. Yorgen Fenech jinsab mixli bi qtil. Iżda li kieku kellna qafas serju ta’ liġijiet li jifhmu sewwa xi tfisser il-mafja u li jafu x’għodda hi meħtieġa biex inkunu nistgħu nilqgħulha, Yorgen Fenech kien jiġi mgħoddi ġuri f’xi awla sotterranja eluf ta’ mili ‘l bogħod minn hawn.

Taħt il-liġi Taljana, l-qtil ta’ Daphne kien jitqies bħala att terroristiku tal-mafja. Il-ħbiberiji ta’ Yorgen Fenech ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Melvyn Theuma kienu jitqiesu bħala assoċjazzjoni mafjuża. Il-kuntratt tal-Electrogas kien jitqies bħala att mafjuż f’kuntratt pubbliku.

F’każ bħal dan, dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu li ssir ġustizzja jingħataw protezzjoni estensiva mill-istat. Dawn in-nies ikunu konxji tar-riskji għas-sigurtà tagħhom li neċessarjament isibu ma’ wiċċhom, iżda jkunu jafu wkoll li l-istat ikun qed jara li dan ir-riskju jitnaqqas kemm jista’ jkun.

F’pajjiż li jkollu r-rieda li jeqred lill-mafja, kitbet Simon Mercieca titqies bħala att ta’ omertà mafiosa. Kitbietu titqies bħala messaġġ ta’ intimidazzjoni li jkun irid iwassal il-kap tal-mafja lil dawk li jkunu qed jopponuh. Il-kitba ta’ Simon Mercieca titqies bħala twissija kontra dawk li jkunu qed jaħdmu biex il-kap jinstab ħati u jduq il-ħabs. Mercieca jkun il-personifikazzjoni tal-isforzi tal-kap tiegħu biex jiġu ntimidati l-ġurnalisti, l-attivisti, l-investigaturi tal-pulizija, l-maġistrati, akkademiċi oħrajn, imħallfin u ġurati li għad iridu jintagħżlu.

Simon Mercieca, jekk tagħżel lil titkellem f’isem il-mafja, int titqies bħala mafjuż. X’aktarx li int – bir-reputazzjoni tiegħek kif inhi bħalissa – dħalt għal dan il-patt Fawstjan jew għall-flus jew għal dak li int tifhem li huwa prestiġju jew inkella għall-gost u l-pjaċir pervers li tagħmel dak li taf li m’huwiex mis-sewwa u dan bl-istess ħeġġa li tuża l-programm tiegħek fuq it-televiżjoni biex tmeri lix-xjenza.

M’għandix il-ħila li nara l-patti Fawstjani jitwettqu. Iżda studjajt biżżejjed kotba tal-letteratura u tal-istorja biex illum nifhem aħjar li patti bħal dawn dejjem jispiċċaw f’diżastru. Meta u jekk jirnexxielek teqred il-ġustizzja f’dan il-każ mill-aktar inġust li qatt kellu dan il-pajjiż fl-istorja moderna tiegħu u meta l-imgħallem tiegħek jgħaddiha lixxa, xorta ser ikollok tagħmel il-kontijiet mal-kuxjenza tiegħek.

Min jagħżel li jilgħab man-nar, x’aktarx jispiċċa biex jinħaraq.