Jeħtieġ li l-attenzjoni tagħna tibqa’ tiffoka fuq dak li hu l-aktar importanti.
Il-lejl li għadda lil Konrad Mizzi qafluħ f’ċella u raqad fiha minħabba l-fatt li l-pulizija għad fadlilha x’tinterrogah dwar suspett tas-sehem tiegħu fil-kriminalità finanzjarja. U lil Keith Schembri l-pulizija ġabruh dalgħodu għat-tielet darba f’inqas minn tnax il-xahar. Joseph Muscat, iżda, jinsab fil-kwiet f’daru.
Araw ftit l-ironija.
Dawn huma tlieta minn nies li l-ħniżrijiet li wettqu lanqas biss jipparagunaw mal-ħlas ta’ kont ta’ lukanda ta’ €200 minn naħa tal-familja Fenech. Dawn huma tlieta minn nies li, flimkien mal-familja Fenech, serqu u ffrodaw lil kull min f’pajjiżna jikkonsma d-dawl u l-ilma. Għadna sal-lum inħallsu minn imneħirna għall-konsegwenzi ta’ din is-serqa u ser ikollna nkomplu nħallsu għaż-żmien li ġej. Schembri u Mizzi kienu daru d-dinja biex joħolqu kumpanniji sigrieti u biex jiftħu kontijiet bankarji sabiex ikunu jistgħu jaħslu flejjes maħmuġin ġejjin mit-tixħim – kważi $2 miljun fis-sena. Flejjes li f’siegħa waħda kienu jirċievu daqs il-ħlas tal-kont li tħallas lill-lukanda f’dawk it-tlitt ijiem li Jason Azzopardi għamel fl-Iżrael.
Issa ilna diġà kważi 5 snin li sirna nafu b’dawn il-kumpanniji tagħhom tal-Panama. U din hi r-raġuni għala n-nies tibda’ tixba’ tisma’ u ddawwar l-attenzjoni tagħha fuq stejjer eċċitanti oħra. Barra minn dan, din hi r-raġuni wkoll il-għala n-nies għall-ewwel tixba’ u mbagħad issir ċinika bir-riżultat li tibda’ titfa’ lil kollox u lil kulħadd fl-istess keffa.
‘Ma jinbidel xejn’ ‘Dawn kollha tal-istess pezza.’
Dawn hekk iriduna nirraġunaw: għaliex Konrad Mizzi u Keith Schembri ċertament ma jridux isibu ruħħom maqfulin f’xi ċella.
Il-ħallelin moħħom biss biex jisfruttaw is-sens ta’ telqa ġenerali li hawn.U biex iġiegħluna nikkonfermaw il-preġudizzji tagħna u ngħidu kemm kellna raġun inkunu xettiċi, jwaddbulna xi ftit stejjer li jqanqlu l-eċċitament.
X’inhuma l-istejjer li qrajna dwarhom dan l-aħħar?
1. Hemm dak il-proxxmu li għadu sal-lum igħid li teżisti konġura biex tara li Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat igħadduha lixxa. S’hawn nasal biex naqbel. M’għandniex xi ngħidu, din il-konġura teżisti u ilha teżisti sa minn qabel l-2013. U din hi r-raġuni li kien biss proprju dalgħodu li tnejn minn dawn it-tlieta nqaflu f’ċella fil-kwartier ġenerali tal-puliizja: minħabba l-eżistenza ta’ konġura bejn il-kapijiet tal-mafja, politiċi korrotti, membri diżonesti tal-korp tal-pulizija u impjegati tal-gvern kompliċi.
Iżda issa bħal donnu daħal fix-xena il-kredu ta’ McCarthy: fl-istess konġura qed jitwaddab kollox u kulħadd. It-Times of Malta kemm il-darba qed tkun fiċ-ċentru tal-mira u dan minkejja l-fatt li allaħares ma kienitx hi biex wasalna s’hawn. U bis-saħħa tax-xogħol siewi tal-pulizija, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jiġu nterrogati. Li kieku ma kienx għax-xogħol li wettqet it-Times of Malta biex kixfithom, il-pulizija għadha sal-lum titmexxa minn uffiċjali diżonesti. Tabilħaqq, mhux bis-saħħa tat-Times of Malta konna sirna nafu bir-relazzjoni mill-qrib li Silvio Valletta kellu ma’ Yorgen Fenech?
2. Il-kredu ta’ McCarthy, li qed jixli lit-Times of Malta li qed taħdem biex tgħatti xtur Keith Schembri, qed iwaħħal f’Ivan Martin għall-inċident li fih Yorgen Fenech ipprova jxaħħmu. Kien hemm min saħansitra xlieni li “tlift il-boxxla morali” talli ma rajt xejn daqshekk ħażin li Ivan Martin iltaqa’ mal-avukati ta’ Yorgen Fenech. Ħaġa bħal din ma kienitx tidħolli f’moħħi għaliex xogħoli huwa dak ta’ kummentatur u mhux ta’ reporter. Li kieku rriżultali mingħand ħaddieħor li Ivan Martin tħallas mingħand l-avukati ta’ Fenech, kont nissuspetta ħażin f’Ivan Martin. Iżda din l-istorja rrakkontahieli hu stess. Kien hu li rrakkonta kollox dwar l-offerta tal-ħlas lill-imgħallmin ta’ fuqu.
U s-sofistrija jeħtieġ li naqtgħuha. Il-flus li offrewlu kienu gejjin mingħand Yorgen Fenech. Li kieku dan ma seħħx b’inizjattiva ta’ Yorgen Fenech, lill-avukati tiegħu kien ikeċċihom dak il-ħin stess. Iżda diġà għaddiet ġimgħa u dawn sal-lum għadhom l-avukati tiegħu. Dan l-inċident ma kien xejn ħlief attentat biex jixxaħħam ġurnalist minn persuna mixlija li qatlet ġurnalista. U ġaladarba l-ġurnalist rrifjuta li jixxaħħam u kixef lil min ipprova jxaħħmu, m’hemmx dubju li dan il-ġurnalist issa jinsab fil-periklu.
Possibbli li ma tgħallimna xejn?
3. Għandi ngħid li napprezza d-dibattitu li tqanqal u l-kummenti li nkitbu dwar dak li jien ktibt nhar it-Tnejn li għadda meta ddefendejt lil Jason Azzopardi. M’hemmx dubju li Jason Azzopardi naqas f’dak li huwa l-livell ta’ mġieba mistenni minnu u għandna għalxiex inkunu rrabjati għalih. Iżda b’daqshekk m’għandniex nagħmlu l-iżball li naljenaw l-attenzjoni tagħna mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni enormi li hawn madwarna.
Ippermettuli nagħmel spjegazzjoni. Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu nqabdu li huma sidien ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama. Dawn baqgħu ma warrbux. Joseph Muscat baqa’ ma keċċihomx. Reġgħu telgħu fil-gvern fl-2017 u baqgħu f’posthom waqt li ġurnalista li kienet kixfithom ġiet assassinata. Kien biss wara li nqatlet Daphne li l-biċċa l-kbira minna ħadu l-briga li jibdew jirreżistu lill-klikka korrotta li ħakmet lill-pajjiż. U proprju issa, kważi 5 snin wara, din il-klikka bdiet tilmaħ l-qamar fil-bir.
Li kieku fi Frar 2016 konna sirna nafu li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu aċċettaw il-ħlas ta’ kont ta’ €200 fuq żjara f’Tel Aviv, sal-lum din l-istorja diġà mietet fuq ommha. Dakinhar l-attenzjoni kienet iffukata fuq l-iskandli tal-Café Premier, tal-proprjetà ta’ Gaffarena property, tas-17 Black, tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro, tal-power station tal-Electrogas, tal-kuntrabandu tat-tonn u taż-żjut, tal-ftuħ tal-bibien lill-mafja fl-industrija tal-gaming, tal-maħfra li ngħatat lil John Dalli dwar tixħim, eċċetra, eċċetra.
Issa jien naf li l-qarrejja tiegħi huma nies li jippretendu li l-pajjiż għandu jkollu governanza tajba minn politiċi onesti. U dan ifisser li – bħali – jippretendu li l-politiċi m’għandhomx jaċċettaw rigali mingħand in-negozjanti. Madankollu l-fatt jibqa’ li l-iskandlu tal-Panama u l-assassinju ta’ ġurnalista ma tista’ qatt titfagħhom fl-istess keffa maż-żjara f’Tel Aviv.
Il-kastig li jingħata ma jistax ikun l-istess. Dan l-aħħar xi ħadd staqsieni jekk kienx sewwa dak li għamel Jason Azzopardi. U żgur li ma kienx. Nieħdu eżempju. Ikun sewwa jekk, ħin bla waqt, naqbad u nboss waqt li nkun bilqiegħda f’ristorant? Le ċertament m’huwiex sewwa. Iżda għandi niġi kastigat daqslikieku sraqt minn ħanut? Le. Għaliex is-serq huwa bil-wisq aktar gravi minn tfiegħ ta’ bassa f’ristorant.
Fil-Facebook, xi ħadd – ejjew ngħidu biex jiċċajta – kkummenta dwar l-“awto-sospensjoni” ta’ Jason Azzopardi mill-grupp parlamentari tal-PN sakemm issir investigazzjoni interna. Mhux bi ħsibni nidħol fil-mertu dwar messux issospenda lilu nnifsu jew le, għalkemm għandi d-dubji tiegħi kemm din it-triq li nqabdet kienitx waħda għaqlija. Din li ġejja kienet ir-reazzjoni ta’ xi ħadd li m’għandux grazzja ma’ Jason Azzopardi għar-raġuni li Jason Azzopardi ma kellux grazzja ma’ Adrian Delia.
U dan l-imbierek xandar il-famuż ritratt ta’ Konrad Mizzi xurban b’tazza birra f’idu bi tbissima wiesa’ fuq fommu u staqsa jekk Jason Azzopardi huwiex ser ipoġġi biswit Konrad Mizzi fis-sala tal-Parlament.
Iċ-“ċajta” hi li, bħal Konrad Mizzi, Jason Azzopardi għalissa huwa kunsidrat bħala deputat “indipendenti” u għaldaqstant jinsabu fl-istess sitwazzjoni.
Taħsbu li din “ċajta” li għandha tgħaxxik bid-daħk? Taħsbu li d-“dnub” ta’ Konrad Mizzi b’xi mod jista’ jiġi paragunat ma’ dak ta’ Jason Azzopardi u li dawn għandhom jiġu kkastigati bl-istess manjiera?
Forsi dan iċ-ċajtier jista’ jħawwar aktar iċ-ċajta tiegħu għaliex m’hemm ħadd li jippretendi li Jason Azzopardi għandu jiġi arrestat dwar kriminalità finanzjarja flimkien ma’ Konrad Mizzi.
Għaldaqstant nistgħu ngħidu li kellna tliet stejjer fi żmien ġimgħatejn li setgħu servew biex aljenaw lill-attenzjoni tagħna mill-iskandli li ilhom jifnu lill-pajjiż għal żmien twil. Tliet stejjer immirati biex jaljenawk mill-ħniżrijiet li wettqu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Yorgen Fenech, int tista’ ġġiegħel lil Jason Azzopardi jiskuża ruħu u saħansitra anki li jwarrab – għax hekk jagħmel min hu diċenti hekk kif jintebaħ li jkun żbalja. kien biss wara jumejn li ntebaħ li kien messu għamel l-oppost ta’ dak li kien għamel.
Iżda dalgħodu tistgħu tibqgħu ċerti li, 5 snin wara li nkixfu bħala s-sidien ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama, Keith Schembri u Konrad Mizzi qabdu waħda minn żewġ toroq: jew qed jibqgħu jinsistu li huma innoċenti jew inkella qed jinvokaw id-dritt tagħhom li jibqgħu siekta. U fil-frattemp Yorgen Fenech qed jistenna u jipprova jxaħħam.
Dan moħħu biss biex jara kif ser jinħall mill-kobba li nqabad fiha waqt li int toqgħod tara kif ser tikkastiga lil Jason Azzopardi.