Joe Cuschieri għadu kemm warrab mit-tmexxija tal-Malta Financial Services Authority. Dan għamlu wara li, għall-ewwel, “issospenda lilu nnifsu” iżda qabel joħroġ ir-riżultat ta’ inkjesta nterna mill-eks-Prim Imħallef Joseph Azzopardi li kien ġie mqabbad mill-bord tal-MFSA.

Meta kien inħatar Joseph Azzopardi, x’aktarx li ħasbu li dan kien ser ikun ħanin magħhom. Wara kollox, din kienet l-istess persuna li kkonkludiet li Charles Mercieca – l-avukat prinċipjant ta’ Yorgen Fenech – ma kien għamel xejn ħażin meta mill-uffiċċju tal-prosekutur spiċċa jaħdem għad-difiża. Madankollu, f’dan il-każ il-Prim Imħallef irtirat għamel suġġerimenti dwar miżuri li ma kienux jeżistu sa dakinhar bil-għan li jkun hemm aktar kontroll.

Għaliex, wara kollox, x’seta’ jgħid l-eks Prim Imħallef biex lil Joe Cuschieri jgħinu jibqa’ jimraħ fil-wiċċ wara li dan inkixef dwar il-vjaġġ li kien għamel lejn Las Vegas ma’ Yorgen Fenech?

X’aktarx li Joe Cuschieri jew iddeċieda waħdu jew inkella ngħata parir biex jantiċipa l-konklużjoni tal-inkjesta nterna u jwarrab.

Mir-ritratt ta’ hawn taħt, jista’ jitħassar wiċċ ieħor.

Qed jilgħaqu l-art. Wieħed wara l-ieħor.